fbpx

Aktar ħaddiema ex-Arriva jkomplu jissieħbu mal-UĦM

Hu ta’ sodisfazzjon għat-Taqsima Port u Trasport tal-UĦM li fil-jiem li għaddew aktar xufiera u ħaddiema oħra ex-Arriva komplew jagħtu fiduċja u daħlu membri fil-UĦM.

Il-ħaddiema ex-Arriva  huma insodisfatti bin-nuqqas ta’ riżultati li kisbet il-Unjin tagħhom rikonoxxuta sa llum. Dawn il-ħaddiema qegħdin jilmentaw li matul dawn id-diversi xhur, l-unika ħaga li akkwistaw il-ħaddiema permezz tal-Unjin rikonoxxuta sa issa kien id-dritt tagħhom stess, li jitħallsu ta’ xogħol li għamlu fil-Festi Pubbliċi.

Dan hu dritt sagrosant tal-ħaddiema u l-ħaddiema tal-ex-Arriva huma ddiżzappuntati li l-GWU qed tiftaħar li akkwistat kundizzjonijiet ta’ xogħol li huma diga tagħhom u li saħansitra kellhom jistennew xhur biex jitħallsu tagħhom.

Intant il-ħaddiema ex-Arriva ddiżżapuntati wkoll li r-rappreżentanti tal-GWU ikunu preżenti biss meta Unjin oħra titlob għar-rikonoxximent, filwaqt li għal kumplament tal-jiem jew xhur dawn ir-rappreżentanti jkunu assenti minn mal-ħaddiema.

It-Taqsima Port u Trasport tilmenta wkoll li l-management tal-Public Transport irtira d-dritt tal-UĦM li tuża n-notice board tal-Kumpanija fuq numru ta’ allegazzjonijet infondati li saru mir-rappreżentanti tal-GWU kontra s-Segretarju tat-Taqsima Port u Trasport, Martin Caruana.

Minħabba l-istess allegazzjonijiet u mingħajr l-ebda prova, il-management tal-Public Trasnport iffaċilita lill-GWU billi ċċaħħad lir-rappreżentanti tal-UĦM milli jiġu rilaxxati sabiex jgħinu lil sħabhom fuq il-post tax-xogħol.

Din is-sitwazzjoni qed tkun ta’ diskriminazzjoni bejn iż-żewg Unjins minħabba l-fatt li l-management tal-Public Transport qed jaġixxi differenti mal-Unjin l-oħra, fejn rappreżentant tal-GWU qiegħed kontinwament jiġi rilaxxat biex jagħmel xogħol tal-GWU.

Intant, il-UĦM tistenna li kemm il-Public Transport, kif ukoll il-GWU ma jfixklux l-opportunità li l-ħaddiema juru min verament għandu l-fiduċja tal-ħaddiema u li jkun hemm direzzjoni ċara biex isir il-proċess abbitwali tal-verifika.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment