fbpx

Jeskalaw id-direttivi għall-inġiniera li jaħdmu fl-impjanti tad-drenaġġ

L-inġiniera li jaħdmu fl-impjanti għat-tisfija tad-drenaġġ fi ħdan il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) għadhom mingħajr rimedju fuq id-diskriminazzjoni li qed tolqothom.

In-news portal Voice of the Workers irrappurtat il-ġimgħa li għaddiet, fost oħrajn, li l-inġiniera qed jilmentaw għax qed jiġu ddiskriminati meta mqabbla ma’ ħaddiema oħra li jaħdmu fl-istess impjanti.  Il-professjonisti ntebħu li mill-Ftehim Kollettiv li ġie ffirmat l-aħħar,   inqatgħetilhom l-exposure allowance li kienu intitolati għaliha minħabba in-natura tax-xogħol tagħhom u l-inkonvenjent li jaħdmu fih.   Ta’ min jgħid ukoll li dawn l-inġiniera jingħataw tilqim kontra ċertu mard infettiv relatat mad-drenaġġ.

Huma pprovaw javviċinaw il-Union of Water Services Corporation Professionals (UWSCP), li kienet tirrapreżentahom, iżda spiċċaw iddisgustati bl-atteġġjament tagħha għax ma ġewx kkonsultati fuq id-deċiżjonijiet li jolqtuhom, kif ukoll ingħataw informazzjoni qarrieqa fejn ġew avżati li dik l-allowance kellha tinqata’ across the board. Mhux talli din ma nqatatx imma talli l-kollegi tagħhom fi gradi oħrajn, li wkoll jaħdmu f’impjanti għat-tisfija tad-drenaġġ, għadhom jibbenefikaw minn dan il-ħlas.

Il-ġlieda tal-inġiniera, li fil-frattemp issieħbu ma’ UĦM Voice of the Workers, hi li ssir ġustizzja magħhom għax qed jingħataw kundizzjonijiet anqas minn dak li hu mistħoqq lilhom.

Għaldaqstant il-UĦM Voice of the Workers attendiet laqgħa mal-management tal-WSC u flimkien ma’ rappreżentanti tal-grupp tal-inġiniera ddiskriminati għamlu aktar minn sagħtejn jipprovaw isibu soluzzjoni għall-inġustizzja ta’ dawn l-impjegati.

Jirriżulta li l-management ma laqax it-talba tal-UĦM, għalhekk mill-bieraħ stess, b’appoġġ lejn dawn l-impjegati, id-direttivi ġew eskalati u tkompliet it-tilwima industrijali bejn il-UĦM Voice of the Workers u l-Korporazzjoni għas-Servizz tal-Ilma.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment