fbpx

Tkaxkir tas-saqajn fil-konklużjoni ta’ ftehim kollettiv għall-ħaddiema tal-MIA

Il-UĦM Voice of the Workers flimkien mal-General Workers’ Union (GWU) se jkunu qed jirreġistraw tilwima industrijali mad-Direttur tad-Direttorat għall-Impjiegi u   r-Relazzjonijiet Industrijali (DIER) għax mhux qed jintlaħaq qbil fin-negozjati biex ikun iffirmat ftehim kollettiv għall-ħaddiema tal-kumpanija li tmexxi l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta (MIA).

Dawn in-negozjati fuq il-ftehim kollettiv kienu ilhom għaddejjin għal aktar minn tliet snin u dan id-dewmien kien karatterizzat minn  nuqqas ta’ qbil fuq  il-pakkett ta’ kundizzjonijiet li jista’ jtejjeb il-qagħda tal-ħaddiema fil-post tax-xogħol.

Matul is-sena li għaddiet, uffiċjali u rappreżentanti ta’ UĦM Voice of the Workers u tal-GWU ħadmu qatigħ  sabiex dan il-ftehim kollettiv jingħalaq mill-aktar  fis. Saru laqgħat regolari bejn iż-żewġ unions u l-management  tal-MIA iżda l-proposti preżentati mill-kumpanija ma tejbux dak li kien hemm fil-ftehim kollettiv preċedenti.

B’riżultat  ta’ dan, iż-żewġ unions kienu rreġistraw tilwima industrijali mad-DIER fis-17 ta’ Novembru 2016. Bi tweġiba  għal din it-tilwima, il-kumpanija rrispondiet li seta’ kien hemm nuqqas ta’ komunikazzjoni fil-proposti elenkati mill-management. Għalhekk, fuq talba tal-kumpanija, kienet saret laqgħa bejn il-unions u l-management sabiex in-negozjati jitkomplew u t-tilwima taqa’ minnufih.

Sfortunatament dawn il-laqgħat ma ssarrfux f’riżultati konkreti,  anzi llum wasslu għal tilwima industrijali oħra bi ħruġ ta’ direttivi miż-żewġ unions. Għaldaqstant il-ħaddiema taż-żewġ unions qed ikunu ordanti biex ma  jikkomunikawx bl-email minn nhar il-Ġimgħa 14 ta’  April 2017.

Ramon Francalanza, Employment Relations Manager fi ħdan il-UĦM Voice of the Workers, irrimarka li hi “ħasra li l-ħaddiema membri ġew imċaħda milli jgawdu minn titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol għal aktar minn tliet snin. L-unika żieda li bbenefikaw minnha dawn il-ħaddiema kienet biss dik tal-għoli tal-ħajja (COLA).” Dan  meta żdied ix-xogħol għall-ħaddiema u huma, min-naħa tagħhom komplew jagħtu  sehemhom b’mod  konsistenti.

Sandro Vella, Segretarju tat-Taqsima Marittima u Avjazzjoni fi ħdan il-GWU, stqarr li “l-kumpanija għamlet qligħ sostanzjali bis-saħħa tal-ħaddiema għal tliet snin. Il-ħaddiema taw  il-kontribut siewi tagħhom biex l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jkun jista’ jsaħħaħ il-qagħda kummerċjali tiegħu. Dan sar f’perijodu fejn il-produttivita’ tax-xogħol  żdiedet b’numru inqas ta’ ħaddiema.”

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment