fbpx

14, 10, 7, 0 … 5?

Id-deċiżjonijiet dwar il-perijodu ta’ kwarantina jew iżolament minħabba l-Covid-19 m’għandhomx jittieħdu b’mod arbitrarju daqs li kieku qed intellgħu in-numri bix-xorti iżda għandhom ikunu ibbażati fuq ix-xjenza.

Il-UĦM Voice of the Workers tinsab imħassba bil-pożizzjoni tal-Malta Chamber of SMEs u l-Partit Nazzjonalista li qed jipproponu li l-kwarantina għandha titnaqqas għal ħames t’ijiem biss. Jidher li l-pożizzjoni tagħhom hija ibbażata biss fuq dik taċ-Ċentru għall-Kontroll tal-Mard (CDC) tal-Istati Uniti.

Filwaqt li l-Union tifhem il-frustrazzjoni li hawn minħabba li l-pandemija għadha magħna, tinnota li dan is-sentiment hu wkoll riżultat ta’ dikjarazzjonijiet populisti li saru fil-passat fosthom li “ntrebħet il-gwerra kontra l-Covid-19” u li l-vaċċin kien ta’ d-daqqa tal-mewt lill-pandemija. Sfortunatament, ir-realtà hi kemxejn differenti kif jindikaw iċ-ċifri ta’ każi ġodda u l-imwiet li jkunu pubblikati ta’ kuljum.

Il-UHM temmen li Malta għandha tibqa’ timxi fuq dak li jgħid iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC). Fl-istess ħin tistenna li fuq kwistjoni bħal din li tolqot direttament id-drittijiet u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema għandha tkun konsultata, kemm il-darba xi partit politiku jkun se jagħmel proposta bħal din.

Il-UHM temmen bis-sħiħ li l-protokolli tas-saħħa għandhom jitfasslu fuq prattiċi li huma evidence-based u mhux biex jakkomodaw l-aġenda ta’ pressure group jew tal-politiċi. L-Union temmen li t-triq ’il quddiem għandha tkun dik ibbażata fuq il-pożizzjoni li kien ħa l-Kap tal-Partit Nazzjonalista f’Marzu li għadda meta kien sostna li – “Għandhom ikunu l-Awtoritajiet tas-Saħħa li jieħdu d-deċiżjonijiet u mhux il-politiċi”. Dan il-prinċipju għandu jibqa’ japplika għal kull politiku, union u għaqdiet ta’ min iħaddem.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment