fbpx

Azzjonijiet industrijali fis-servizz diplomatiku

Ħaddiema fis-servizz diplomatiku ngħataw direttiva mill-UHM Voice of the Workers biex ma jużawx mezzi ta’ komunikazzjoni b’riżultat ta’ tilwima industrijali mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin.

Dan il-pass ittieħed wara li bi ksur tal-ftehim settorali ħarġet sejħa ta’ interess mill-istess Ministeru sabiex tinħoloq pool ta’ ħaddiema li lesti jaqdu d-dmirijiet ta’ attaché minn fost uffiċjali pubbliċi. Il-ftehim settorali jirregola b’mod strett il-mod kif ikunu reklutati l-membri tal-korp diplomatiku u ma jippermettix li persuni mhux kwalifikati jaqdu dmirijiet bħal dawn. Għalhekk din is-sejħa toħloq preċedent għax timmina s-servizz diplomatiku li hu kruċjali fir-relazzjonijiet ta’ Malta ma’ pajjiżi oħra kif ukoll lil dawk li qegħdin fil-karriera diplomatika.

Hekk kif ħarġet din is-sejħa, il-UHM ilmentat mas-Segretarju Permanenti u anki saret laqgħa dwar dan. Minkejja li l-Ministeru wiegħed li din is-sejħa kienet se tiġi sospiża, dan qatt ma kien konfermat bil-miktub. Sadattant, il-Ministeru ma laqax it-talba tal-union biex issir laqgħa urġenti u kien għalhekk li l-UHM ma kellha l-ebda triq oħra ħlief li tiddikjara tilwima industrijali. Barra minn hekk hemm kwistjonijiet oħra pendenti bejn il-union u l-Ministeru. Taħt din id-direttiva il-ħaddiema fis-servizz diplomatiku mhux qed jużaw email, telephone, mobiles, pjattaformi ta’ media soċjali kif ukoll l-urgency phone.

Il-UHM twissi li jekk il-Ministeru se jibqa’ jwebbes rasu se jkollha tħarrax l-azzjonijiet u ma teskludix li tieħu passi oħra.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment