fbpx

Budget b’miżuri soċjali, ftit fuq reputazzjoni

Fl-ewwel reazzjoni tagħha għall-Budget 2022 il-UĦM Voice of the Workers  issostni li dan kien Budget b’sensiela ta’ miżuri soċjali iżda li fih inqas enfasi fuq il-viżjoni ekonomika fit-tul u ftit li xejn dwar kif se tissewwa r-reputazzjoni ta’ Malta.

Il-UĦM tilqa d-deċizjoni li jiddaħħal il-portal tal-kuntratti tax-xogħol minkejja li diġà kien issemma fil-Budget tal-2016.  Dan għandu jkun pass ’il quddiem fil-ġlieda kontra l-prekarjat. Għalhekk il-union issa tistenna li ssir il-miżura l-oħra kruċjali biex ħaddiema bi dħul baxx jissieħbu f’union tal-għażla tagħhom.

Fil-qasam ambjentali l-UĦM tilqa d-deċiżjoni li s-servizz tal-karozzi tal-linja se jsir b’xejn għal dawk kollha li għandhom tal-linja card u tinnota kif kienet għamlet din il-proposta sentejn ilu.  Proposta oħra tal-UĦM li tħabbret mill-Ministru tal-Finanzi hi dik li kienet saret is-sena li għaddiet biex ikun hemm inċentivi ħalli propjetajiet li ilhom battala għal snin twal ikunu riabilitati.

L-union tesprimi wkoll sodisfazzjon li proposta li kienet għamlet għall-Budget tal-2017 – dik li numru ikbar ta’ familji igawdu mill-in-work benefit – se titwettaq. Tilqa’ wkoll il-proposti dwar it-tnaqqis tat-taxxa fuq xogħol part-time li se tonqos minn 15% għal 10%, it-tnaqqis tat-taxxa fuq l-overtime, u ħlas doppju fil-Ħdud għall-ħaddiema tal-kuntrattur li jaħdmu f’entitajiet tal-Gvern. Il-UĦM tittama li dawn il-proposti, li ilha tisħaq dwarhom, jitwettqu kollha u minnufih skont kif qed jiġi mwiegħed.

Il-UĦM tesprimi d-diżappunt tagħha kif għal sena oħra l-Gvern reġa’ żieda in-nefqa lil Steward li minn €50 miljun fl-2021  telgħet għal €70 miljun fl-2022 – nefqa li ma tinkludix  il-pagi tal-ħaddiema.

Id-diskors tal-Budget kien fjakk f’dak li għandu x’jaqsam mal-viżjoni tal-Gvern biex jattira setturi ekonomiċi ġodda lejn Malta li ma jiddependux fuq l-importazzjoni ta’ eluf ta’ ħaddiema u pagi baxxi.

Il-UĦM tinsab imħassba li l-Budget fih dipendenza qawwija fuq il-konsum u  fuq l-investiment mill-Gvern stess. Dan fl-isfond tal-fatt li l-ekonomija jeħtieġ tiddiversifika biex ma tibqax tiddependi daqshekk fuq is-settur tal-kostruzzjoni.

Dwar l-għoli tal-ħajja il-UĦM twissi li ż-żieda ta’ €1.75 fil-ġimgħa ma tirriflettix iż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-prodotti essenzjali.  Għalhekk tappella lill-Gvern biex filwaqt li jibda kemm jista’ jkun malajr id-diskussjonijiet dwar mekkaniżmu ġdid għal dawk bi qligħ baxx, jibda l-proċess ukoll biex tkun riveduta l-COLA biex verament ħadd ma jibqa’ lura.

Dwar il-pensjonanti, il-UĦM tilqa iż-żidiet imħabbra fil-Budget kif ukoll il-bidu ta’ proċess li se jwassal biex fuq medda ta’ ħames snin, min laħaq l-età tal-irtirar u baqa’ jaħdem ikollu  komputazzjoni tat-taxxa separata għad-dħul li ġej minn dan ix-xogħol. B’hekk il-pensjonanti li jibqgħu jaħdmu jħallsu inqas taxxa.

B’mod ġenerali l-UĦM Voice of the Workers tħoss li dan il-Budget qed jagħmel enfasi fuq miżuri soċjali imma kienet tistenna impenn akbar fuq il-pjan tal-Gvern biex il-pajjiż se joħroġ mil-lista l-griża u tissewwa r-reputazzjoni ta’ Malta.

Like this article?

Share on facebook
Share on Facebook
Share on twitter
Share on Twitter
Share on linkedin
Share on Linkdin
Share on pinterest
Share on Pinterest

Leave a comment