fbpx

Budget li reġa’ ma ndirizzax ċertu inġustizzji fost il-ħaddiema

It-Taqsima Port u Trasport tal-UĦM Voice of the Workers tinnota li fil-Budget, il-Gvern naqas milli jindirizza diversi anomaliji li jeżistu bħalissa fil-liġi tax-xogħol. Dan filwaqt li din l-Union ilha snin tagħmel proposti biex l-impjegati ma jkunux affettwati ħażin.

Waħda mill-problemi ewlenin li ma ġewx indirizzati f’dan il-Budget hi li mhux il-ħaddiema kollha qed jitħallsu bir-rata doppja meta jkunu xogħol nhar ta’ Ħadd.  Dan għaliex il-Work Regulation Orders għal ċertu kategoriji ta’ ħaddiema ma jagħtux rata doppja meta jkunu xogħol fil-Ħdud iżda bis-siegħa siegħa. Għalhekk il-UĦM ilha u se tibqa’ tinsisti li tinbidel il-liġi biex din l-inġustizzja titneħħa.

Għalkemm il-miżura li tħabbret fil-Budget li l-ħaddiema tal-kuntrattur li jipprovdu xogħol fis-settur pubbliku jibdew jitħallsu bir-rata doppja hi pożittiva, din ser tapplika biss għal persentaġġ żgħir ħafna mill-ħaddiema li sal-lum qed jiġu diskriminati f’dan ir-rigward.

Barra min hekk, f’dan il-Budget mhux talli kienet miċħuda t-talba tal-UĦM biex isir studju jekk il-ġimgħa ta’ 40 siegħa xogħol tistax tonqos, talli għad hemm ħaddiema bħal dawk fit-trasport pubbliku li jaħdmu ġimgħa ta’ 48 siegħa.  Dan ifisser li dawn l-impjegati qed jaħdmu 416-il siegħa iżjed fis-sena mill-ħaddiema l-oħra kollha f’dan il-pajjiż. Minflok jitħallsu bir-rata tas-sahra għal dawn is-siegħat żejda, qed jitħallsu bir-rata bażika. Għalhekk il-UĦM temmen li mhux biss għandhom jibdew jaħdmu ġimgħa ta’40 siegħa bħall-ħaddiema oħra, imma jekk jagħmlu siegħat aktar jitħallsu bir-rata tas-sahra bħall-ħaddiema tal-kuntratturi fis-settur pubbliku.

Is-Senior Employment Relations Manager ta’ din it-taqsima, Kenneth Abela, stqarr li “għalkemm il-UĦM ressqet dawn it-talbiet kemm il-darba mal-Gvern, jidher li dan reġa’ għażel li jinjora l-karba ta’ dawn il-ħaddiema li jiġu stmati bħall-kumplament tal-impjegati ta’ dawn il-Gżejjer.  Għalxejn noqgħodu nippriedkaw fuq il-valuri tal-ugwaljanza, tal-opportunitajiet indaqs u ta’ liġi waħda għal kulħadd meta l-istess Gvern mhux lest li jieħu l-inizjattiva biex jaġġorna il-liġijiet ta’ dan il-pajjiż sabiex jirriflettu tali valuri”.

Like this article?

Share on facebook
Share on Facebook
Share on twitter
Share on Twitter
Share on linkedin
Share on Linkdin
Share on pinterest
Share on Pinterest

Leave a comment