fbpx

Dgħajjef, tard u reattiv

Filwaqt li tilqa’ d-deċiżjoni tal-Gvern li sa fl-aħħar ħarrax il-ġlieda kontra l-COVID-19, il-UĦM Voice of the Workers tħoss li dawn kienu miżuri  dgħajfa,  li misshom ittieħdu qabel u li huma reattivi. Minkejja n-numru rekord ta’ infezzjonijiet ġodda, it-total ta’ każijiet attivi u rata ta’ mortalità dejjem tiżdied, il-miżuri mħabbra issa mhumiex  stretti daqs dawk ta’ sena ilu meta s-sitwazzjoni kienet ferm inqas allarmanti.

II-Gvern jidher li mhux konxju tal-fatt li mill-bidu tal-2021 in-numru ta’ infezzjonijiet żdied b’16-il darba meta mqabbel mal-ewwel mewġa bejn Marzu u l-bidu ta’ Lulju tas-sena li għaddiet. Bl-istess mod, in-numru ta’ mwiet f’Jannar u Frar 2021 kien 12-il darba aktar minn dak irreġistrat fl-ewwel mewġa.

Il-UĦM tirrimarka wkoll li l-introduzzjoni mill-ġdid ta’ remote working għall-impjegati fis-servizz pubbliku u l-entitajiet pubbliċi imħabbra mill-Prim Ministru Robert Abela, tikkonferma dak li ilha tgħid il-union għal xhur sħaħ li l-ħaddiema fuq il-kotba tal-gvern kienu qed jiġu miċħuda din il-faċilità sa minn wara l-ewwel mewġa. Barra minn hekk, Il-Gvern għandu jara li  ma jiġrix dak li seħħ is-sena li għaddiet meta l-impjegati bit-telework ġew diskriminati minħabba li ma ngħatawx l-allowances dovuti lilhom.

Il-UĦM tinsab imħassba wkoll b’ċerti deċiżjonijiet li jxekklu l-kapaċità ta’ ttestjar tal-COVID-19 f’mument daqshekk delikat, fosthom id-deċiżjoni li allied healthcare professionals ma jitħallewx jagħmlu rapid swab tests.

Wasal iż-żmien li l-Gvern jadotta strateġija ibbażata fuq evidenza xjentifika, infurzar strett u salvagwardji tas-saħħa pubblika. Il-miżuri nofs kedda u s-sens falz ta’ sigurtà jirriżultaw biss f’aktar imwiet filwaqt li jwasslu biex l-ekonomija ddum iktar biex tirpilja.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment