fbpx

Firxa wiesgħa ta’ azzjonijiet industrijali mill-UĦM wara aġir irresponsabbli tal-Gvern

UĦM Voice of the Workers mil-lum eskalat sensiela ta’ azzjonijiet industrijali li jinvolvu aktar minn 1,300 ħaddiem fid-dawl tal-aġir tal-Gvern li ma jridx jindirizza kwistjonijiet li ilhom pendenti għal diversi snin filwaqt li mhux qed iżomm kelmtu fuq ftehim li ntlaħqu xhur ilu.  Dawn l-azzjonijiet jinvolvu lill-allied health professionals, emergency ambulance responders u l-impjegati ta’ Steward Health Care.

Allied health professionals

Is-sena li għaddiet il-UĦM u l-gvern kienu ffirmaw ftehim kollettiv wara tliet snin ta’ negozjati li fih il-gvern kien aċċetta li jħallas l-arretrati għall-2019 u li jagħti s-seniority kif suppost. Madankollu, il-gvern għal xi raġuni ma żammx kelmtu fuq dan u ma jridx iwettaq dak li hemm miktub iswed fuq l-abjad.

Emergency ambulance responders

F’Jannar ta’ sentejn ilu l-UĦM kienet rebħet l-għarfien uffiċjali ta’ dawn il-ħaddiema, u għalhekk rebħet id-dritt li tinnegozja ftehim kollettiv ġdid.  F’Lulju li tal-2019 l-union kienet bagħtet il-proposti tagħha msejsa fuq il-prinċipju li jagħtu dinjità lil dawn il-front liners u li joħolqu struttura biex ikun hemm lok ta’ aktar tagħlim. In-nuqqas ta’ azzjoni mill-gvern wassal biex f’Lulju li għadda jiġu ordnati azzjonijiet industrijali. Dawn kienu sospiżi wara ftit ġimgħat bħala sinjal ta’ rieda tajba mill-UĦM wara li l-gvern aċċetta li jibdew it-taħditiet. Biss dan kien kollu għalxejn, wara li l-gvern informa lill-union li ma kienx hemm lok ta’ diskussjoni.

Wara aktar minn 18-il xahar, il-gvern għadu qed jirrifjuta li jiddiskuti fuq ftehim kollettiv ġdid minkejja li hu obbligat li jirrispetta l-proċess ta’ djalogu soċjali.  Aġir bħal dan iqajjem mistoqsijiet fuq kemm il-gvern qed jirrispetta l-prinċipji tad-dritt ta’ sħubija f’union u d-dritt li l-membri jkollhom ftehim kollettiv.

Steward Health Care

Illum ma hemm l-ebda dubju li dan il-kuntratt li permezz tiegħu kienu privatizzati tliet sptarijiet pubbliċi – Għawdex, Karin Grech u San Luqa – mhux talli ma sarx biex igawdi minnu l-poplu iżda lanqas il-ħaddiema.

Vitals u wara Steward bdew bir-reklutaġġ bejn l-2016 u l-2019. F’Lulju tal-2019 il-UĦM rebħet l-għarfien ta’dawn il-professjonisti u mill-ewwel saret it-talba biex dawn jiġu assorbiti mal-gvern. Dan sar għaliex ġaladarba qed jagħmlu l-istess xogħol ma’ professjonisti fuq il-kotba tal-gvern, mal-istess pazjenti, mhux ġust li jkollhom kundizzjonijiet/ħlas inqas.

Kien biss wara ġimgħat ta’ azzjonijiet industrijali  li l-gvern ikkommetta ruħu bil-miktub li jilqa’ din it-talba – jiġifieri li ser jieħdu l-paga daqs tal-gvern b’seħħ mil-1 ta’ Jannar 2019. Minkejja li l-gvern wiegħed li kien se jwettaq dan il-proċess sal-aħħar ta’ Diċembru, u ngħata ċans sal-aħħar ta’ Jannar biex jonora dan il-ftehim, ma żammx kelmtu b’riżultat li l-UĦM kellha tirrikorri mill-ġdida għall-azzjonijiet industrijali.

Azzjonijiet industrijali

Għalhekk b’seħħ mit-8am ta’ dalgħodu dawn il-ħaddiema se jaqdu biss dmirijiet li għandhom x’jaqsmu mal-COVID-19, każijiet ta’ emerġenza u pazjenti bil-kanċer. Il-UĦM tittama li ma jkollhiex għaliex tkompli teskala l-azzjonijiet ta’ dawn il-ħaddiema li jgħoddu aktar minn 1,300 biex jieħdu dak li hu tagħhom bi dritt.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment