fbpx

‘Frank Pullicino strumentali fit-tisħiħ tad-djalogu soċjali’

UĦM Voice of the Workers issellem lil Frank Pullicino, eks Direttur tax-Xogħol u r-Relazzjonijiet Industrijali għal diversi snin li miet fl-età ta’ 76 sena. Matul il-karriera twila tiegħu jibqa’ mfakkar mhux biss għall-kontribut li ta f’dan il-qasam iżda fuq kollox għall-ħila tiegħu li jsib kompromess anki fl-iktar sitwazzjonijiet diffiċli.

“Kien bniedem li anki f’sitwazzjonijiet ta’ tensjoni kbira u f’ċirkostanzi ta’ konfrontazzjoni imminenti kien jirnexxielu jgħaqqad il-partijiet bil-mod kalm u l-karattru kompost li kien magħruf għalih,” sostna l-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Josef Vella fl-ewwel reazzjoni tiegħu għal din l-aħbar.

Pullicino serva bħala l-ħdax-il direttur tad-Dipartiment tax-Xogħol u r-Relazzjonijiet Industrijali – li twaqqaf fl-1943 – bejn l-1999 u l-2005.

L-eks Segretarju Ġenerali tal-UĦM Gejtu Vella saħaq li dawn kienu snin li matulhom Pullicino kien strumentali biex iddaħħal il-kunċett ta’ djalogu soċjali fost l-Unions, l-għaqdiet ta’ min iħaddem u l-korpi kostitwiti.

“Kellu ħiliet kbar fil-medjazzjoni u kwistjonijiet li kien jidhru impossibbli kien jirnexxielu jsolvihom u jġib il-partijiet flimkien,” Vella qal.

Hu żied li Pullicino tant kien jieħu interess ġenwin li hekk kif kienet tkun dikjarata tilwima industrijali kien jieħu l-inizjattiva minn jeddu biex ilaqqa’ ż-żewġ naħat.

“Għalih ma kienx hemm ħinijiet u kien dejjem disponibbli. Il-pjaċir tiegħu kien li meta jinstab kompromess jara l-partijiet sodisfatti bil-ftehim,” żied jgħid Gejtu Vella.

Dimensjoni ġdida għar-rwol tad-Direttur tax-Xogħol

Fi kliem l-eks President tal-UĦM Gejtu Tanti, Frank Pullicino jibqa’ mfakkar għad-dimensjoni ġdida li kien ta l-irwol li kien jokkupa. Fost il-kwistjonijiet kbar li kien hemm fi żmienu jibqgħu jissemmew dawk tal-Port Ħieles kif ukoll tat-trasport pubbliku.

“Kien bniedem ċajtier, prattiku u sinċier. Jekk ikollok raġun kont tieħdu iżda jekk le kien jgħidlek l-affarijiet kif inhuma,” Tanti qal fl-ewwel reazzjoni tiegħu.

Hu żied jgħid li l-legat ta’ Pullicino għadu ħaj sal-lum għax kien il-bniedem li ttrasforma r-rwol minn wieħed formali għal wieħed pro attiv billi kien jieħu l-inizjattiva personali hekk kif tinbet xi kwistjoni industrijali.

“B’xorti tajba dan l-istil inżamm mis-suċċessuri tiegħu u dan kien pass kbir ’il quddiem fir-relazzjoni bejn l-imsieħba soċjali,” Tanti qal.

Il-UĦM Voice of the Workers tesprimi l-kondoljanzi tagħha lill-familja Pullicino għal din it-telfa. Il-funeral se jsir nhar is-Sibt 31 t’Ottubru, fil-Bażilika ta’ Sant’Elena Birkirkara, fit-8.30am.

Like this article?

Share on facebook
Share on Facebook
Share on twitter
Share on Twitter
Share on linkedin
Share on Linkdin
Share on pinterest
Share on Pinterest

Leave a comment