F’laqgħa ta’ konċiljazzjoni li saret illum f’12 p.m. bejn il-management tal-Awtorita’ tax-Xandir u rappreżentanti minn UĦM Voice of the Workers, irriżulta li ma ntlaħaq ebda qbil fuq is-sitwazzjoni preżenti f’din l-Awtorita’. Għal din il-laqgħa ċ-Chairperson ma kinitx preżenti.
Matul din il-laqgħa ta’ madwar siegħa, il-management tal-Awtorita’ offra li r-rwol taċ-Chairperson Tanya Borg Cardona jiġi llimitat għal wieħed Non-Executive filwaqt li jkun hemm skrutinju fuq id-deċiżjonijiet li jittieħdu mill-Bord.
Dwar il-kwistjoni tal-bidla tas-sit, minn Triq Mile End fil-Ħamrun għal Triq Melita, il-Belt, il-management wiegħed li jgħaddi rapporti marbutin mas-Saħħa u s-Sigurta’ lil UĦM Voice of the Workers, qabel ma jsir it-trasferiment fil-post il-ġdid. Inċidentalment dawn ir-rapporti għadhom ma ġewx ikkummissjonati.
Skont il-UĦM Voice of the Workers, dan hu ftit wisq u tard ħafna minħabba l-fatt li ċ-Chairperson illum diġa’ għandha rwol ta’ non-executive u m’hemm l-ebda garanzija li l-bullying fl-Awtorita’ se jieqaf.
Sadattant, dwar is-sit il-ġdid, kellha ssir konsultazzjoni mal-union qabel ma ntlaħaq qbil fuq il-kuntratt ma’ terzi persuni. Studji dwar is-saħħa u s-sigurta’ ukoll kellhom isiru qabel ma ttieħdet id-deċiżjoni li jkun hemm it-trasferiment tal-operat minn binja attrezzata li hi proprjeta’ tal-istess Awtorita’, għal binja tal-privat ferm iżgħar minn dik preżenti. Jingħad li l-files u dokumenti relatati se jinżammu fil-bini preżenti tal-Awtorita’ sabiex iċ-Chairperson tkun paxxuta f’sular iddedikat kważi kollu għaliha.
Intant il-UĦM se tissokta bl-azzjonijiet industrijali tagħha u tibqa’ taħdem u tistinka fl-interess tal-ħaddiema tal-Awtorita’ tax-Xandir.