fbpx

Għall-azzjonijiet ta’ Steward ċemplu lill-Berġa ta’ Kastilja!

Il-UĦM Voice of the Workers, it-Tnejn, 24 ta’ Frar 2020, nediet serje ta’ azzjonijiet industrijali fl-Isptar Karin Grech u fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Dawn l-azzjonijiet ġew ordnati wara li l-UĦM Voice of the Workers kienet ilha s-snin turi t-tħassib tagħha dwar il-kuntratt bejn il-Gvern u Vitals Health Care (li ġie ereditat minn Steward HealthCare għal-prezz fenomenali ta’ €1).

Minkejja li din il-union qatt ma tat l-ebda barka fuq dan il-kuntratt, mhux l-istess jista’ jingħad għal union oħra. Għal-darb’oħra, speċjalment fl-isfond ta’ dak li kien qed jiġri f’dawn l-aħħar ġimgħat, il-UĦM Voice of the Workers ingħatat raġun.

Din il-union kienet ilha minn meta kisbet l-għarfien tal-ħaddiema ta’ Steward HealthCare li talbet lill-Gvern sabiex jassorbi dawn il-ħaddiema, u dan biex jitħaddan il-kunċett bażiku ta’ paga ugwali għal-xogħol ugwali.

Peress li minn naħa tal-Gvern irrenja s-skiet, il-UĦM Voice of the Workers bdiet b’azzjonijiet industrijali għall-membri tagħha li jaħdmu f’dawn l-isptarijiet, irrelevanti min hu l-employer tagħhom. Dan juri bi sħiħ, li fil-UĦM Voice of the Workers, il-membri tagħhom jemmnu kompletament fis-solidarjetà.

Sadattant, kull persuna li qed toġġezzjona jew tilmenta li qed tintlaqat minn dawn l-azzjonijiet, qed tiġi mistiedna sabiex iċċempel il-Berġa ta’ Kastilja fuq 2500 0000 u twassal l-ilment tagħha.

Fl-aħħar mill-aħħar, f’dan it-tgħaffiġ kollu ta’ dawn il-kuntratti, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru jrid jieħu deċiżjoni darba għal dejjem. Il-messaġġ ta’ UĦM Voice of the Workers huwa ċar – waqqaf il-Kuntratt minn ma’ Steward b’mod immedjat u assorbi int stess lill-ħaddiema li tawk servizz għal dawn l-aħħar snin.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment