fbpx

Ħaddiema tal-kuntratturi mal-Gvern għandu jkollhom sħubija protettiva fi trade union

Bħala l-ikbar employer fil-pajjiż il-Gvern għandu jkun hu li jagħti l-eżempju fil-ġlieda kontra l-prekarjat billi jassigura li l-ħaddiema tal-kuntratturi f’entitajiet pubbliċi ikollhom il-protezzjoni li toffri sħubija f’union.

Dan qalu Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv tal-UHM Voice of the Workers waqt il-konferenza annwali li l-union torganizza biex tfakkar Jum il-Ħaddiem.

Fid-diskors tiegħu irrefera għall-kontroversja li nqalgħet fil-kampanja elettorali dwar il-proposta ta’ sħubija mandatorja fi trade union. Filwaqt li l-Partit Laburista semmiegħa kemm-il darba f’diversi manifesti elettorali, ftit li xejn saru sforzi biex titwettaq. Min naħa l-oħra l-Partit Nazzjonalista ftit ġranet qabel l-elezzjoni qal li ma jaqbilx mal-proposta. Spjega li l-UHM minn dejjem kienet ċara li dan għandu japplika biss għall-ħaddiema bi dħul baxx għax dawk l-aktar li jinsabu f’riskju li jkunu sfruttati.

Vella qal li b’din il-proposta l-ħaddiema se jibqalhom id-dritt li jagħżlu li jissieħbu fil-union li jridu huma. Hu fisser kif dan m’għandu x’jaqsam xejn mal-kawża kostituzzjonali li kienet saret mill-ħaddiema tat-tarzna li ma kienux jingħataw overtime għax ma kienux membri tal-GWU. Bil-proposta tal-UHM ħadd ma qed jiġi mhedded li jinqatalu l-overtime jew ikun sfurzat li jissieħeb f’union partikolari. Barra minn hekk min ikun qed igawdi minn kundizzjonijiet aħjar grazzi għall-ftehim kollettiv negozjat minn union, għandu jħallas l-ekwivalenti tal-miżata ġo fond għall-iżvilupp tal-istess ħaddiema. Dan skont il-prinċipju li l-free riders (it-terminu użat għal min igawdi servizz b’xejn minn fuq dahar ħaddieħor) m’għandhomx ikunu tollerati. “Sal-lum qatt ma ltqajt ma’ xi ħaddiem li ma jkunx irid il-benefiċċji tal-ftehim kollettiv għax ma jkunx membru f’union,” Vella qal.

Hu għalhekk importanti li jitħaddem il-kunċett ta’ proposta ta’ sħubija protettiva f’union. “Għalhekk bħala l-ikbar employer il-Gvern irid ikun hu li jieħu l-inizjattiva u jibda jħaddem dan il-kunċett jekk verament jemmen li jrid jiġġieled kontra l-abbużi.”

Il-COLA m’għandhiex tkun parti miż-żieda tal-ftehim kollettiv

Il-Kap Eżekuttiv tkellem ukoll fuq il-mod kif jiġu negozjati l-ftehimiet kollettivi u qal li ż-żieda m’għandix tinkludi dik mogħtija għall-għoli tal-ħajja għax din tal-aħħar trid tkun apparti biex tilħaq l-effett mixtieq.

Dwar il-ġlieda kontra l-prekarjat tenna l-appell tiegħu biex il-Gvern ma jibqax jagħmel outsourcing tal-core operations tiegħu għax dan qed jagħti lok għal diskriminazzjoni, minħabba li l-ħaddiema tal-kuntrattur jitħallsu inqas minn sħabhom tal-Gvern li jagħmel l-istess xogħol fl-istess post tax-xogħol. Qal ukoll li waħda mis-soluzzjonijiet tista’ tkun li jkun hemm sforz akbar għat-twaqqif ta’ koperattivi soċjali f’oqsma tas-servizzi bħat-tindif, securities, u care workers.

Punt ieħor imqajjem, kien dak dwar ħaddiema li jweġġgħu waqt il-qadi ta’ dmirijiethom. Vella sostna li sakemm jirritornaw lura għandhom jibqgħu jieħdu l-paga kollha u mhux ġust li jaqgħu fuq dik bażika.

Dwar il-futur tat-trade unions, il-Kap Eżekuttiv qal li hemm bżonn li dawn jaġġornaw il-mod kif iwasslu l-messaġġ għaż-żminijiet tal-lum u jużaw l-għodda tal-azzjonijiet industrijali b’mod intelliġenti.

Fl-istess ħin il-ħaddiema jridu jagħmlu l-parti tagħhom u juru solidarjetà ma’ sħabhom u mhux jinħbew wara l-uffiċjali tal-union. Fid-dinja tal-lum hemm opportunitajiet ġodda fosthom dawk li joffru pjattaformi diġitali tal-media soċjali. 

Josef Vella sostna li l-unions jistgħu ikunu ferm iktar effettivi fuq kwistjonijiet kruċjali bħall-għoli tal-ħajja jekk ikunu front wieħed.

Il-ħidma tal-UHM u studju dwar l-għoli tal-ħajja

Il-konferenza nfetħet mid-Direttur tal-UHM Mario Sacco li tkellem dwar l-isfidi li għandhom il-ħaddiema, fosthom il-ġlieda kontra l-prekarjat u l-għoli tal-ħajja. Hu nnota li l-proposta tal-union biex isir portal tal-kuntratti tax-xogħol għadha ma twettqitx minkejja li ilha tiġi mwegħda mill-Gvern sa mill-budget tal-2016. Tkellem ukoll dwar il-proposta tal-UHM biex isir studju dwar il-possibbiltà li l-ġimgħa tax-xogħol ma tibqax 40 siegħa imma tonqos filwaqt li l-fakkar li l-Gvern għadu ma spjegax il-mod li bih se jkun qed idaħħal ir-right to disconnect.

Id-deputat Kap Eżekuttiv Gian Paul Gauci tkellem dwar il-ħidma tal-UHM fil-kamp trejd unjonistiku mid-diversi taqsimiet fl-aħħar sena, fosthom ftehimiet kollettivi, tilwimiet u azzjonijiet industrijali kif ukoll għajnuna lill-membri fuq każijiet individwali. Hu ta ħarsa wkoll lejn il-proġett tal-bini mill-ġdid tal-kwartieri tal-union li se jkun inawgurat uffiċjalment aktar tard din is-sena u li sar kollu kemm hu mill-fondi miġbura mill-miżata tas-sħubija.

Matul il-konferenza tħabbru l-ewwel riżultati ta’ studju fuq l-għoli tal-ħajjar li qed isir mill-UHM dwar il-prezzijiet ta’ prodotti essenzjali. Jirrizulta li fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena, xirja bażika għall-familja ta’ erbgħa għoliet b’medja ta’ €7.20. Dan ifisser li ż-żieda ta’ €1.75 għall-għoli tal-ħajja li ngħatat din is-sena hi ferm inqas minn dak meħtieġ u għalhekk il-familji qed ikollhom joħorġu l-flus minn ġewwa. 

Saret ukoll preżentazzjoni mill-Prof. Philip Von Brockdorff dwar il-pożizzjoni tal-UHM fuq il-mekkaniżmu ġdid li qed ikun propost mill-Gvern biex tingħata għajnuna addizzjonali lill-persuni bi dħul baxx. Filwaqt li l-union taqbel fil-prinċipju qed titlob li jkun hemm reviżjoni tal-indiċi tal-prezzijiet li minnu tinħadem il-COLA biex dan ikun jirrifletti ż-żieda fil-prezzijiet tal-propjetà u s-self fuqhom u x-xiri ta’ prodotti minn fuq l-internet fost affarijiet oħra. Il-UHM esprimiet ukoll tħassib dwar il-possibbiltà ta’ ċaqlieq tal-prezz tal-enerġija u ż-żieda fil-prezz tal-ikel fl-isfond tal-gwerra fl-Ukrajna.

Matul il-konferenza saret diskussjoni dwar is-sħubija fit-trade unions, li fiha ħadu sehem il-Kap Eżekuttiv Josef Vella, id-Deputat Mexxej Laburista għall-Affarijiet tal-Partit Daniel Micallef u l-kelliem tal-Oppożizzjoni dwar ix-Xogħol Ivan Castillo. Id-diskussjoni tmexxiet mill-Prof. Andrew Azzopardi. Barra minn hekk ixxandru messaġġi tal-okkażjoni mill-Prim Ministru Robert Abela u mil-l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment