fbpx

Il-UĦM hi protagonista fit-tfassil tal-politika tax-xogħol

“Il-UĦM  tinsab minn  ta’ quddiem fit-tfassil tal-politika tax-xogħol”. Dan qalu Josef Vella,  il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers, fi żjara li Chris Said, kandidat  għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista, għamel fil-Head Office tal-union t-Tlieta 8 ta’ Awwissu 2017.

Josef Vella qal li għalkemm hi union indipendenti fil-ħsieb u fl-aġir tagħha, il-UĦM trid li jkun hemm pont bejn il-partiti politiċi, fosthom mal-Partit Nazzjonalista. Josef Vella saħaq dwar l-importanza li jkun hemm din it-tip ta’ komunikazzjoni bejn il-UĦM u l-Partit Nazzjonalista għaliex hemm diversi pożizzjonijiet  komuni,  bħall-ekonomija, fid-dinja tax-xogħol u l-familja li lkoll jinfilsaw f’xulxin.

Il-Kap  Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers fakkar li ż-żewġ naħat qegħdin hemm biex iservu liċ-ċittadini Maltin u Għawdxin. Hu ħeġġeġ biex, ikun min ikun il-Kap tal-Partit Nazzjonalista l-ġdid, dan ikompli jistinka biex din ir-relazzjoni ta’ ħidma tissokta bis-serjeta’ u bi ħsieb lejn il-futur. “Meta niġu biex infasslu politika dwar ix-xogħol, il-UĦM tinsab minn ta’ quddiem,”sostna Josef Vella, filwaqt li żied li “din it-tip ta’ ħidma titlob konsultazzjoni u djalogu miftuħ il-ħin kollu”.

Chris Said, kandidat għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li min se jiġi magħżul għal Kap tal-PN irid ikollu l-opportunita’ li jitkellem mal-imsieħba soċjali. Hu qal li l-MCESD u l-MEUSAC għandhom jissaħħu sabiex verament ikun hemm djalogu u fejn l-ideat jiġu diskussi biex minnhom joħorġu proposti konkreti.

Chris Said qal li hemm ħafna aspetti komuni bejn il-PN  u l-UĦM Voice  of the Workers filwaqt li żied li l-għan ewlieni taż-żewġ naħat jibqa’ l-istess: li jtejbu l-kwalita’ tal-ħajja tal-ħaddiema u  l-familji tagħhom.

Hu qal li l-qasam tax-xogħol hu wieħed ħaj u għalhekk il-unions jibqgħu validi fid-dinja tal-lum. Chris Said irrimarka dwar ix-xogħol prekarju u l-isfruttament fost il-ħaddiema f’xi postijiet tax-xogħol mal-privat. Irrefera wkoll dwar is-sitwazzjoni tal-pagi u stqarr li statistika tiżvela li l-prezzijiet tal-ikel żdiedu b’sitta fil-mija f’sena imma l-pagi ma żdidux. L-għafsa fuq is-salarji ta’ dawk il-ħaddiema bi dħul baxx  u medju qed tinħass ġmielha; qed tinħass minħabba  l-prezzijiet tal-ikel, minħabba l-prezzijiet  tal-fjuwils, minħabba l-prezzijiet tal-gass u minħabba l-kera.

Chris Said qal li l-PN u l-UĦM Voice of the Workers iridu wkoll jaħdmu flimkien fuq l-avvanz tal-mara fid-dinja tax-xogħol. Hu qal li kien hemm żieda fin-numru ta’ nisa li joħorġu jaħdmu għax ittieħdu diversi inizjattivi matul dawn l-aħħar 15-il sena. Dan hu fattur pożittiv  għall-ekonomija ta’ pajjiżna għax in-nisa li qed joħrorġu jaħdmu qed jikkontribwixxu b’mod dirett. Il-kandidat għal  Kap tal-PN qal li statistika mill-Forum Ekonomiku Dinji wriet li l-livell tan-nisa li jaħdmu f’Malta waqa’ 24 post lura. Is-sehem tan-nisa fil-ħajja pubblika għadu fqir f’pajjiżna, tant li Malta waqgħet 29 post lura; il-pagi tan-nisa f’Malta wkoll waqgħu lura bi 30 post minkejja żieda fin-nisa li ħarġu  jaħdmu. Chris Said staqsa għaliex dan il-fenomenu qed iseħħ u staqsa wkoll jekk hux qed ikun hemm sfruttament fost in-nisa li jaħdmu.

Dwar l-ugwaljanza  fil-pagi, Chris Said qal li pajjiżna waqa’ 30 post lura u dan  meta fil-passat riċenti Malta kienet minn ta’ quddiem fejn tidħol l-ugwaljanza fil-pagi. Hu qal li żdiedu n-nisa fis-suq tax-xogħol u l-ugwaljanza ħadet daqqa ta’ ħarta kbira. L-istatistiċi juru li n-nisa qed jaħdmu  b’pagi baxxi, anki kultant bil-prekarjat.

Chris Said saħaq li l-prekarjat ma naqasx anzi għadu hemm b’numru ta’ ħaddiema li għandhom kundizzjonijiet tax-xogħol inaċċettabbli. “Sabiex nirbħu l-battalja tal-prekarjat, il-unions u  l-politiċi jridu jaħdmu flimkien anki mas-settur privat”, sostna Chris Said.

Hu tkellem ukoll dwar iż-żieda ta’ ħaddiema fis-settur pubbliku u kif din taffettwa x-xogħol f’pajjiżna. Chris Said stqarr li jekk jiġi elett kap tal-PN se jkun qed iniedi proċess ta’ konsultazzjoni wiesgħa ħafna mal-imsieħba soċjali biex tinħareġ stampa ċara ta’ x’inhi s-sitwazzjoni tal-ħaddiem f’Malta. Hu se jkun qed jelenka diversi proposti,  anki mill-Oppożizzjoni, biex il-kundizzjonijiet  tal-ħaddiema jitjiebu. Chris Said irid li l-PN jerġa’ jkun dak il-partit li qalbu verament tkun mal-ħaddiema.

Wara li saru numru ta’ interventi minn uffiċjali tal-union, Josef Vella awgura li r-relazzjoni bejn  il-UĦM Voice of the Workers u l-Partit Nazzjonalista tkompli titkattar. Hu qal li din il-union kienet u għadha tipproponi soluzzjoni għall-prekarjat sabiex tintuża t-teknoloġija ħalli d-drittijiet tal-ħaddiema jkunu mħarsa. Iżda sal-lum għadha ma ratx id-dawl. Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers ukoll saħaq dwar l-importanza tal-Pensjoni tat-Tieni Pilastru, pensjoni li skont Chris Said trid tiġi diskussa iżjed mal-imsieħba soċjali.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment