fbpx

Il-UĦM Voice of the Workers tordna azzjonijiet industrijali fil-Qorti

Il-UĦM Voice of the Workers tirreferi għall-proposta li din l-istess Union kienet ressqet xi żmien ilu sabiex isservi bħala bażi għall-ftehim dwar il-ħaddiema li jaħdmu bħala Marixxalli u Purtiera fil-Qrati tal-Ġustizzja.

Din il-Union qed tipproponi li jkun hemm il-ħlas ta’ allowance sabiex tikkumpensa għall-ħinjiet addizzjonali li jinħadmu wara l-ħin normali tax-xogħol, kif ukoll li l-ħlas għan-notifika bil-purtier wara l-ħin legali jiżdied.

Il-UĦM jiddispjaċiha li, dwar dawn il-proposti, għadha ma rċeviet l-ebda tweġiba tanġibbli bil-miktub. Fil-fatt din il-Union kienet tat ultimatum lill-ammistrazzjoni tal-Qorti għal tali tweġiba sa nhar l-Erbgħa 28 ta Settembru 2016 fil-11 a.m.

Wara li din il-Union ġiet imwegħda għal aktar minn darba li kienet se tingħata tweġiba b’mod uffiċċjali dwar il-proposta, tali risposta baqgħet ma ġietx mgħoddija kif kien miftiehem. Dan anki wara li nhar l-Erbgħa 28 ta Settembru 2016 fil-11 a.m kienet l-aħħar target date sabiex tingħata din ir-risposta.

Għaldaqstant il-UĦM Voice of the Workers tħoss li dan mhux mod kif jiġu trattati dawn il-ħaddiema u l-Union li tirrappreżentahom. Il-UĦM Voice of the Workers tiddikjara li s-serjeta’ u r-rispett lejn dawn il-ħaddiema kienu jitolbu li l-wegħda uffiċjali li r-risposta dwar il-proposta tal-istess Union tingħata fiż-żmien stipulat, kellha tinżamm.

Il-UĦM Voice of the Workers qed tagħmilha ċara li m’hi se tħalli lil ħadd, ikun min ikun, jgħaddi biż-żmien lil dawn il-ħaddiema u lill-Union li tirrappreżentahom. Għaldaqstant qed tiddikjara li fid-dawl ta’ dan kollu ma kellha l-ebda triq oħra ħlief li tordna azzjonijiet industrijali fil-Qorti fejn ma jsir l-ebda xogħol b’rabta ma’ mandati ta’ inibizzjonijiet ġodda. L-azzjonijiet se jidħlu fis-seħħ minn nhar it-Tlieta 4 ta’ Ottubru 2016.

Il-UĦM Voice of the Workers qed tirriserva l-jedd li fil-jiem li ġejjin, jekk  ikun meħtieġ, tkompli tagħti aktar direttivi għal aktar azzjonijiet industrijali sabiex taċċerta li tkun qed  tħares l-interessi ta’ dawn il-ħaddiema.

Like this article?

Share on facebook
Share on Facebook
Share on twitter
Share on Twitter
Share on linkedin
Share on Linkdin
Share on pinterest
Share on Pinterest

Leave a comment