fbpx

Ittra miftuħa lill-Prim Ministru

Għażiż Prim Ministru,

Il-UHM Voice of the Workers qed titlob laqgħa miegħek sabiex ikollha ċ-ċans tispjega lilek dak kollu li qed jasal għandha mingħand il-membri tagħha kif ukoll mingħand diversi ċittadini Maltin u Għawdxin dwar is-sitwazzjoni tal-Coronavirus.

Huma diversi dawk il-ħaddiema li jinsabu konfużi fuq x’direzzjoni għandhom jieħdu meta, minn banda l-messaġġ mill-Awtorità tas-Saħħa hu biex iżommu ruħhom siguri, u mill-banda l-oħra l-miżuri li kienu ttieħdu ġew rilaxxati kollha.

Diversi postijiet tax-xogħol jinsabu mħassbin, jekk u x’miżuri, għandhom iżommu f’dan il-mument. Barra minn hekk diversi ħwienet, wara li għamlu tant sagrifiċċji sabiex daħlu miżuri ħalli jżommu lill-klijenti tagħhom u l-impjegati siguri, issa qed jaraw oħrajn li, jew għandhom inqas miżuri, jew xejn. Hemm ukoll ħafna ġenituri li huma mħassbin fuq uliedhom u xejn mhuma konvinti li qed isir minn kollox sabiex kulħadd isegwi l-istess sett ta’ miżuri ħalli nipproteġu lis-soċjetà tagħna.
Ma’ dawn jingħaqdu, fost oħrajn, il-ħaddiema tas-saħħa u l-Border Control Officers, li huma wħud mill-frontliners tagħna, li tant għamlu u għadhom jagħmlu sagrifiċċji.
Huma jinsabu nkwetati peress li l-qagħda preżenti tal-COVID-19 qed tpoġġihom taħt stress kontinwu. Dan għax m’hemm ebda tama li dawn is-sagrifiċċji li għamlu fl-aħħar xhur mhux se jispiċċaw inutli għax is-sitwazzjoni tal-COVID qed taħrabilna minn idejna.

Għaldaqstant din il-union ħasset li jkun att ta’ responsabbiltà li titlob laqgħa fejn jiġu ċċarati dawn il-karbiet ta’ ħafna Maltin u Għawdxin li mhu qed jitolbu xejn għajr li jkun hemm direzzjoni ċara u waħda għal kulħadd sabiex ma nipperikolawx is-sitwazzjoni iktar milli hi barra l-kontroll tagħna.

Hija responsabbiltà tagħna li nifhmu li, fejn nistgħu, nevitaw li nkomplu ntellgħu n-numru ta’ każijiet attivi. Dan għaliex il-periklu li s-sitwazzjoni taħrabilna minn idejna huwa periklu reali. Li nersqu lejn ħarifa b’numri mhux kontrollati ta’ każijiet attivi hija sitwazzjoni perikoluża li jista’ jkollha riperkussjonijiet ekonomiċi u fuq is-saħħa pubblika. Nippruvaw kemm nippruvaw nifirduhom dawn iż-żewġ sferi, huma fil-fatt relatati b’mod dirett ma’ xulxin u waħda tiddependi mill-oħra.

Waqt li din il-union tifhem li f’sitwazzjoni bħal din ikun hemm ħafna interessi, naħseb li l-ispirtu nazzjonali għandu jixprunana sabiex tinstab soluzzjoni li tmur ‘il fuq minn interessi individwali. Dan huwa mument fejn id-djalogu soċjali għandu jitla’ ‘l fuq mill-aspett tribali u jfittex l-aħjar u l-aqwa għall-pajjiż fl-interess tal-ġid komuni.

Fid-dawl ta’ din l-ittra, qed issir din t-talba sabiex din il-union ikollha l-opportunità li tikkomunika miegħek il-ħsibijiet tagħha. Waqt li nistenna mingħandek risposta pożittiva, nittama li din it-talba tiġi milqugħa fl-ispirtu ta’ djalogu socjali nazzjonali.

Dejjem tiegħek,

Josef Vella
Kap Eżekuttiv

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment