fbpx

Miżuri dwar l-għoli tal-ħajja iżda ftit li xejn fuq viżjoni ekonomika fit-tul u ambjent

Fl-ewwel reazzjoni tagħha għall-Budget 2023, il-UHM Voice of the Workers tinnota li dan kien fih miżuri biex jittaffa l-impatt tal-għoli tal-ħajja imma nieqes minn direzzjoni ekonomika, miżuri ambjentali u viżjoni fit-tul.

Il-UHM Voice of the Workers tesprimi s-sodisfazzjon li l-Gvern laqgħa l-proposta xprunata minnha bl-appoġġ tal-unions ewlenin l-oħra dwar il-COLA u biex tkun imħarsa r-relattività fil-pagi tal-ħaddiema tas-settur pubbliku u entitajiet governattivi. Permezz ta’ din il-proposta dawn il-ħaddiema se jieħdu bejniethom €10 miljun. Li kieku ma kienx għal din il-proposta din is-sena ħafna ħaddiema fiċ-ċivil u f’entitajiet pubbliċi ma kienux se jieħdu żieda tal-għoli tal-ħajja u r-relattività bejn il-gradi kienet tittiekel.

Il-UHM  tinnota li t-tkabbir ekonomiku se jkun qed jonqos minn 6% għal 3.5%. Dan jista’ jkun li twassal għal inqas dħul fil-finanzi tal-Gvern. Il-Budget fih nuqqas ta’ viżjoni u dettalji dwar l-istrateġija ekonomika fit-tul.  Dan minkejja li jelenka diversi proġetti kapitali. Fil-preżent il-pajjiż jeħtieġ investiment fir-riżorsi umani. 

Il-Budget ma jsemmix kif se tiżdied il-produttività biex issir il-bidla minn ekonomija tal-kwantità għal waħda ibbażata fuq il-kwalità u l-valur miżjud. Fl-istess ħin mhux qed jintqal kif se jkun attirat investiment f’setturi ġodda.

Dwar l-ambjent il-Budget ma fihx proposti konkreti kif se nindirizzaw problema tat-traffiku, kif se tiżdied l-effiċjenza fl-enerġija u kif se jiżdiedu l-ispazji pubbliċi u rikreattivi għall-familji. 

Il-UHM tinnota li minkejja li l-Budget jirreferi għall-ħidma tal-imsieħba soċjali, m’hemmx dettalji ta’ kif dawn se jkunu strument li permezz tiegħu jitħarrġu l-ħaddiema. Malta għandha timxi fuq l-eżempju ta’ pajjiżi oħra Ewropej fejn il-unions għandhom rwol qawwi fit-taħriġ.

Dan il-Budget injora l-kwistjoni tal-foremen tax-xatt li ilha tkarkar snin u li magħhom għadha ma saritx ġustizzja.

Il-UHM b’dispjaċir tinnota li diversi proposti importanti kienu injorati. Dawn jinkludu dik biex ma titħallasx taxxa fuq il-bolla, ħlas doppju fil-Ħdud għal kulħadd u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja – biex ġenituri li t-tnejn jaħdmu ikollhom id-dritt tar-reduced hours.

Għal sena oħra il-Gvern reġa’ żied in-nefqa lil Steward Health Care li minn €50 miljun fl-2021, ħadet €70 miljun fl-2022 u issa se tieħu €93 miljun. Sfortunatament il-Gvern ma sabx flus biex ħaddiema li kienu trasferiti minn Steward għal mal-Gvern jingħatawlhom is-snin ta’ servizz li diġà kellhom u minflok kellhom jerġgħu jibdew mill-iskala t’isfel. Din hi sitwazzjoni li jeħtieġ li tkun indirizzata mill-iktar fis.  

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment