fbpx

Proposti għall-Budget 2022

Il-UĦM Voice of the Workers ippreżentat aktar minn 100 proposta konkreta u tanġibbli għall-Budget tal-2022 fosthom miżuri biex Malta ma’ tibqax fil-lista l-griża, biex ikun miġġieled il-prekarjat u biex jogħla l-livell tal-għixien tal-familji.

F’konferenza tal-aħbarijiet il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Josef Vella sostna li l-Budget li jmiss m’għandux ikun biss sensiela ta’ miżuri tekniċi iżda messaġġ qawwi mill-Gvern li għandu r-rieda li jbiddel dak li hu ħażin.

“Dak li qed inġarrbu bil-greylisting hu konsegwenza ta’ dan kollu, u jekk verament irridu noħorġu minn din il-lista, anki fuq affarijiet bħall-power station u l-bejgħ tal-isptarijiet trid tittieħed azzjoni mill-Gvern. Madankollu, jekk il-miżuri li se jieħu l-Gvern se jkunu biss kożmetiċi u ma jindirizzawx il-problemi fil-fond, se jkunu l-investituri, l-ħaddiema, il-familji, il-pensjonanti u ż-żgħażagħ li se jbatu l-konsegwenzi,” il-Kap Eżekuttiv sostna.

Hu irrefera wkoll għal każ tal-ħaddiem tal-kostruzzjoni li tħalla fuq bankina f’Selmun isofri minn ġrieħi gravi wara li allegatament weġġa waqt li kien xogħol. Filwaqt li ikkundanna dan l-aġir sostna li dan seta’ ġie evitat li kieku l-Gvern kien implimenta l-proposta tal-UĦM dwar il-portal tal-kuntratti li ilha li saret mill-2016, li hi għodda b’saħħitha biex ikunu miġġielda l-abbużi u l-prekarjat.

Miżuri ewlenin

  • Greylisting – Bżonn ta’ azzjonijiet konkreti biex noħorġu mil-lista u nnaffdu r-reputazzjoni Maltija. Hemm bżonn li r-responsabbiltà ma tinġarrx biss miċ-ċittadini iżda minn dawk kollha li kienu involuti direttament. Ħtieġa wkoll ta’ ħidma biex Malta jkollha akkademja li toffri taħriġ għall-membri tal-korp diplomatiku li huma kruċjali biex tissewwa r-reputazzjoni madwar id-dinja. Hemm bżonn ukoll li titwaqqaf is-sistema li l-ambaxxaturi jibqgħu jintagħżlu skont kemm ikunu qrib il-partit fil-Gvern.
  • COLA – Ħtieġa li jiġi rivedut il-mekkaniżmu li sar għexieren ta’ snin ilu biex ikun jirrifletti verament l-elementi li qed iwasslu biex togħla l-ħajja u għalhekk il-ħtiġijiet tal-lum.
  • Active Labour Market Policy – Importanti li l-politika l-ġdida għas-suq tax-xogħol issir b’konsultazzjoni mal-ħaddiema u l-unions. Din trid tindirizza l-isfida li ġabet magħha ż-żieda fil-parteċipazzjoni tas-suq tax-xogħol li qed twassal biex il-familji m’għandhomx ħin għal xulxin u għalhekk qed tonqos il-kwalità tal-ħajja.
  • Portal tal-kuntratti – Il-UĦM se tibqa’ tinsisti li jkun hemm internet portal li fih ikunu reġistrati l-kuntratti kollha tax-xogħol bl-iskop li jkun assigurat li ma jkunx hemm abbużi u l-ħaddiema ma jkunux offruti kundizzjonijiet agħar milli tippermetti l-liġi. Il-Gvern kien wiegħed li se jimplimenta din il-proposta fil-Budget tal-2016.
  • Sħubija mandatorja fil-unions għall-ħaddiema bi qligħ inqas mill-paga medjana.
  • Implimentazzjoni tad-Direttiva tal-UE dwar ir-right to disconnect.
  • Remote Working – proposta biex titħaddem sistema ta’ hybrid li jfisser taħlita bejn remote working u mill-post tax-xogħol, u miżuri biex min jaħdem bir-remote working ma jitlifx benefiċċji bħal bonuses jew allowances.
  • Sigħat tax-Xogħol – Proposta biex isir studju fuq il-possibbiltà li tonqos il-ġimgħa ta’ 40 siegħa xogħol. Dan fl-isfond tal-esperjenza pożittiva f’ċertu pajjiżi fejn dan seħħ, għax il-produttività tal-ħaddiema żdiedet minkejja li ħadmu inqas sigħat.
  • Family friendly measures – Miżuri bl-iskop li l-ħaddiema jibbenefikaw minn dawn il-miżuri bla xkiel ta’ xejn u mingħajr ma jitilfu mit-take-home pay.
  • Skejjel tas-Snajja’ – Ftuħ mill-ġdid ta’ dawn l-iskejjel biex tkun indirizzata l-problema tal-early school leavers u fl-istess ħin il-problema li qed jiffaċċja l-pajjiż bħalissa li mhux qed isib biżżejjed ħaddiema għal xogħol manwali.
  • Gvern bħala employer – Jeħtieġ li l-Gvern ikun hu li jagħti eżempju fuq prattiċi tax-xogħol tajbin u mhux kif qed jiġri bħalissa bis-sistema tal-outsourcing lill-kuntratturi. Dan għaliex ħaddiema tal-kuntrattur qed jingħataw kundizzjonijiet inferjuri għall-kollegi tagħhom li jaħdmu mal-Gvern minkejja li qed jagħmlu l-istess xogħol. Trid tieqaf ukoll is-sistema li l-Gvern jagħmel outsourcing tas-servizzi essenzjali li joffri għax din qed tagħti lok għal abbuż.
  • Għawdex – Prezz ridott għall-ħaddiema Għawdxin li jużaw il-fast ferry. Jeħtieġ ukoll li l-Gvern ma jkomplix iżarma s-suq tax-xogħol f’Għawdex billi jdaħħal lil kulħadd jaħdem f’entitajiet pubbliċi għax mhux qed jifdal ħaddiema għas-settur privat.
  • Sptarijiet u power station –Jjittieħed il-kontroll lura mill-Gvern għax jidher ċar li dawn il-ftehim kienu serqa fid-dawl tax-xemx.

Il-dokument bil-proposti kollha fid-dettal jista jitniżżel minn hawn.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment