fbpx

Protest Ġudizzjarju mill-UHM rigward Steward Healthcare

Il-UHM Voice of the Workers irreġistrat protest ġudizzjarju quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili kontra s-Segretarju Permanenti tal-Ministeru tas-Saħħa u l-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni tas-Servizzi Mediċi (FMS). Dan minħabba li l-Ministeru tas-Saħħa qed jonqos milli jonora l-ftehim li għamel mal-UHM fir-rigward tal-professjonisti li kienu jaħdmu ma’ Steward Healthcare u li llum ġew assorbiti mill-FMS.  

Fit-18 ta’ Novembru 2020, il-Ministeru tas-Saħħa kien laħaq ftehim mal-UHM fejn il-professjonisti li jaħdmu ma’ Steward Healthcare kellhom jiġu assorbiti mal-FMS u dan billi ż-żmien ta’ servizz li għamlu jaħdmu ma’ Steward Healthcare u Vitals Global Healthcare jgħoddilhom bħala snin ta’ servizz maħdum mal-FMS. Apparti minn hekk, ġie miftiehem li dawn il-ħaddiema ser jingħataw l-arretrati ta’ dan sa mill-1 ta’ Jannar 2019. F’dan il-ftehim kien hemm ikkupjati d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, Clyde Caruana, li dak iż-żmien kien il-Kap tas-Segretarjat tal-Prim Ministru u s-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar.

Sfortunatament, il-Ministeru tas-Saħħa mar lura minn dan il-ftehim u llum dawn il-ħaddiema ġew assorbiti fl-FMS iżda mingħajr ma żdiedulhom is-snin ta’ servizz li kellhom diġà u wisq inqas ingħataw l-arretrati imwiegħda. X’sens jagħmel illi professjonisti li ħadmu spalla ma’ spalla ma’ professjonisti oħra, mal-istess pazjenti, fl-istess swali, ġew imċaħħda mill-prinċipju ta’ ħlas ugwali għal xogħol ugwali u meta l-union fehmet li din is-sitwazzjoni se tkun sorvolata permezz tal-ftehim tat-18 ta’ Novembru 2020, li l-istess ministeru għażel li ma jonorax tali ftehim? B’dan l-aġir il-Ministeru ħalla lil dawn l-impjegati esposti għal telf ta’ flus u benefiċċji oħra tul il-karriera tagħhom.

Għaldaqstant, il-UHM qed iżżomm lil Ministeru tas-Saħħa legalment responsabbli, infurmat lil Qorti b’dan, u ser tkun qiegħda tirriżerva d-dritt  ta’ azzjonijiet ulterjuri ġaladarba l-Ministeru tas-Saħħa jippersisti bil-pożizzjoni tiegħu li ma jonorax il-ftehim.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment