fbpx

Sospiżi l-azzjonijiet industrijali

Il-UHM Voice of the Workers issospendiet l-azzjonijiet industrijali b’rabta mal-ftehimiet kollettivi fis-settur pubbliku li għadhom pendenti fl-isfond tad-dikjarazzjoni li ħarġet mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni li t-taħditiet se jitkomplew minnufih wara l-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Dan il-ġest ta’ rieda tajba minn naħa tal-union jikkonferma kemm l-azzjonijiet industrijali ma jittieħdux skont xi aġenda politika imma jittieħdu biss fl-aħjar interess tal-membri tagħha. Tant hu hekk, li l-maġġoranza assoluta tal-ftehimiet kollettivi tas-settur pubbliku li ntlaħqu f’din il-leġiżlatura kienu dawk li fihom innegozjat il-UHM. Jirriżulta li din il-union kienet involuta f’51% tal-ftehimiet kollettivi u 57% tal-ftehimiet settorali li ngħalqu minn wara l-elezzjoni ġenerali tal-2017.

Dwar id-deċiżjoni li n-negozjati jitwaqqfu ħesrem hekk kif tħabbret id-data tal-elezzjoni ġenerali, il-UHM tinnota li dan imur kontra dak li kien iseħħ fil-passat. Xhieda ta’ dan hu l-fatt li bejn Mejju u Ġunju tal-2017 kienu tkomplew u ġew iffirmati diversi ftehimiet kollettivi fosthom SportMalta, l-Awtorità tad-djar u l-Gozo Channel. Għalhekk, l-union ma tistax tifhem ir-raġuni wara l-bidla fil-pożizzjoni tal-Gvern li tfisser aktar dewmien biex il-ħaddiema jtejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom.

Il-UHM Voice of the Workers tagħmilha ċara li kemm il-darba t-taħditiet fuq dawk il-ftehimiet kollettivi pendenti ma jitkomplewx kif imwiegħed wara l-elezzjoni, se jerġa’ jkollha tirrikorri għall-azzjonijiet industrijali.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment