fbpx

Steward Health Care qed iċċaħħad lill-professjonisti tagħha milli jkomplu jispeċjalizzaw

Il-kumpanija Steward Health Care qed iċċaħħad lill-professjonisti tagħha milli jkomplu jispeċjalizzaw u jagħtu servizz aħjar lill-pazjent.

Il-UĦM Voice of the Workers ġiet mgħarrfa li l-kumpanija Steward Health Care avżat lill-ħaddiema professjonisti li huma impjegati magħha li l-istudy leave tagħhom tnaqqas b’żewġ terzi fis-sena. Dan għall-kuntrarju ta’ dak li qed jitlob il-qasam tas-saħħa internazzjonali, li l-professjonisti jibqgħu jispeċjalizzaw sabiex ikunu jistgħu jaqdu lill-pazjenti aħjar.

Din il-union tfakkar li Steward Health Care hija l-kumpanija li tqabbdet mill-Gvern sabiex tħaddem l-Isptar Karin Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. F’dawn l-isptarijiet hemm ħaddiema impjegati direttament mal-Gvern, kif ukoll professjonisti impjegati ma’ Steward.

Fl-aħħar xahar, Il-UĦM Voice of the Workers ingħatat l-għarfien ewlieni ta’ dawn il-professjonisti u stqarret li l-għan tagħha huwa li dawn il-ħaddiema jiġu assorbiti mal-Gvern sabiex jingħataw kundizzjonijiet ugwali bħal sħabhom, li mhux biss jagħmlu l-istess xogħol, imma saħansitra jaħdmu fl-istess swali. Sal-lum dawn il-professjonisti qed jiġu mħallsa ferm inqas minn sħabhom impjegati direttament mal-Gvern.

Sabiex jintefa’ l-melħ fuq il-ferita, dawk il-professjonisti li ddeċidew li jkomplu jitħarrġu fil-professjoni tagħhom u li kellhom 30 ġurnata study leave fis-sena, din il-ġimgħa ngħataw struzzjoni li dan l-istudy leave tnaqqsilhom għal għaxart ijiem biss fis-sena. Dan ħoloq konfużjoni kbira fost il-professjonisti, speċjalment meta dawn kienu ppjanaw is-sena sħiħa ta’ kif se jitqassam l-istudju tagħhom.

Il-UĦM tistaqsi jekk kinitx l-intenzjoni tal-Gvern li jġib lil Steward Health Care sabiex ikunu impjegati ħaddiema b’salarji inqas minn tal-Gvern. U jekk dan mhux minnu, il-Gvern se jħalli li kuntrattur imqabbad minnu stess iħallas, b’mod differenti, lil ħaddiema li jagħmlu l-istess xogħol?

Din il-union tfakkar li l-Gvern huwa fid-dmir li jara li kulmin iħaddem isegwi l-liġi ta’ Equal Pay for Work of Equal Value – saħansitra fi ħdan id-dipartimenti tiegħu stess.

Intant, il-UĦM Voice of the Workers għamlet kuntatt ma’ Nadine Delicata, il-Kap Eżekuttiv ta’ Steward Health Care u hi kkonfermat li professjonisti impjegati direttament mal-kumpanija għandhom inqas study leave minn ħaddiema tal-Gvern.

Dan hu sinjal ċar ta’ kemm din il-kumpanija ma temminx fil-ħaddiema tagħha stess għax qed iċċaħħad lill-professjonisti tagħha stess milli jtejbu l-karriera tagħhom b’risq l-interessi tal-pazjent. 

Għaldaqstant, il-UĦM Voice of the Workers irreġistrat tilwima industrijali u ma teskludix li tibda b’numru ta’ azzjonijiet industrijali fil-jiem li ġejjin. Il-professjonisti li jaħdmu ma’ Steward Health Care żgur li ħaqqhom aħjar.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment