fbpx

Steward mezz biex jidħol il-prekarjat fl-Isptarijiet tal-Gvern

Iktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar qed nintebħu li Steward Health Care u qabilha Vitals Health Care huma mezzi sabiex il-Gvern ikun daħħal il-prekarjat fl-isptarijiet tal-Gvern u ma jsegwix il-Ftehim Kollettiv taċ-Ċivil.

Min-nhar it-Tlieta li għadda, il-professjonisti li jaħdmu fl-isptarijiet ta’ Karin Grech, San Luqa u l-isptar Ġenerali ta’ Għawdex ħarġu b’azzjonijiet industrijali. Dan ġara wara li l-Union kienet ilha żmien twil tinsisti li ħaddiema li jaħdmu fl-istess post tax-xogħol, li jagħmlu l-istess xogħol, li jilbsu l-istess uniformi u jaraw lill-istess pazjenti għandhom jitħallsu l-istess. L-unika mod kif dan iseħħ huwa billi l-Gvern jassorbi l-ħaddiema u l-professjonisti mpjegati direttament ma’ Steward Health Care u jħallashom hu. Dan aktar u aktar minħabba li din is-sena Steward Health Care naqset milli tagħti ż-żieda lil dawn il-professjonisti. Meta l-ħaddiema talbu għal-liema raġuni seħħ dan, Steward Health Care wieġbet li dan qed iseħħ minħabba s-sitwazzjoni tal-COVID.

Il-UĦM tinsab imħassba għaliex filwaqt li Steward Health Care ngħatat aktar minn €50,000,000 din is-sena mill-Gvern, u dan l-ammont jidher li ma tnaqqasx imma seta’ wkoll żdied minħabba l-COVID, għandha l-wiċċ li tuża s-sitwazzjoni tal-COVID sabiex tkompli ddaħħal f’butha dak li hu tal-ħaddiem.

Għaldaqstant, il-UĦM Voice of the Workers avżat kemm lill-Ministeru tas-Saħħa kif ukoll lill-Uffiċju tal-Prim Ministru dwar din is-sitwazzjoni però sal-lum ma ttieħdet l-ebda azzjoni. Għalhekk il-Gvern bħal donnu qed jagħti barka lil Steward Health Care biex tkompli għaddejja romblu minfuq il-ħaddiema tagħha u din l-attitudni qed tagħmel il-Gvern kompliċi fis-serq tal-pagi ta’ dawn il-ħaddiema. Il-Gvern irid jieħu d-deċiżjoni li dan il-vit ta’ korruzzjoni jingħalaq darba għal dejjem. Ġa la darba s-sitwazzjoni tibqa’ kif inhi, l-UĦM ma teskludix illi żżid il-pressjoni fil-ġranet li ġejjin.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment