fbpx

UĦM Voice of the Workers bi sħubija mal-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal u ĠEMMA dwar l-edukazzjoni dwar il-kapaċità finanzjarja

Il-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal u l-UĦM Voice of the Workers illum iffirmaw sħubija strateġika biex jaħdmu flimkien, permezz ta’ ĠEMMA (il-pjattaforma tal-edukazzjoni dwar il-kapaċità finanzjarja tal-Gvern), lejn it-titjib tal-kapaċità finanzjarja personali taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin matul l-avvenimenti tal-ħajja, inkluż l-irtirar, biex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet finanzjarji infurmati aħjar li jaqblu maċ-ċirkostanzi individwali tagħhom.

Riżultat immedjat ta’ din is-sħubija strateġika huwa li ĠEMMA tista’ tippreżenta r- riżorsi edukattivi tal-kapaċità finanzjarja lill-imsieħba tal-UĦM Voice of the Workers permezz tal-e-newsletter ta’ kull ġimgħa tal-Unjoni.  L-ewwel post se jidher fl-10 ta’ Ġunju.  Matul it-terminu ta’ din is-sħubija strateġika, il-UĦM Voice of the Workers u ĠEMMA se jwettqu wkoll b’mod konġunt inizjattivi relatati mal-kapaċità finanzjarja, kemm fuq bażi nazzjonali kif ukoll b’mod dirett lejn il-membri tal-Unjoni.

Din hija l-10 sħubija strateġika li l-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal daħal fiha f’isem ĠEMMA ma’ istituzzjonijiet u korpi oħra.  Is-sħubijiet strateġiċi l-oħra huma mal-Bank Ċentrali ta’ Malta, l-Università ta’ Malta, il-BOV, MAPFRE MSV Life, il-General Workers Union, il-Fondazzjoni eSkills Malta, Mental Health Malta, il-Kamra Maltija tal-SMEs, u l-Fondazzjoni HSBC Malta. 

Dr Michael Falzon, il-Ministru responsabbli, stqarr li l-fatt li korpi u istituzzjonijiet importanti bħall-UĦM Voice of the Workers daħlu f’dawn is-sħubijiet strateġiċi ma’ ĠEMMA jindika l-fehim dejjem akbar tal-partijiet interessati tas-soċjetà li jissieħbu mal-Gvern biex inisslu kultura ta’ kapaċità finanzjarja f’Malta – b’mod partikolari minħabba l-korrelazzjoni qawwija bejn il-kapaċità finanzjarja, il-benesseri finanzjarju u l-benesseri tal-bniedem. 

Dr Falzon żied jgħid li huwa mħeġġeġ mill-fatt li minkejja li ĠEMMA għadha fil-bidu tagħha, l-istħarriġ juri li 30% tal-popolazzjoni Maltija hija familjari magħha, u dawk li attivament ħadu sehem fil-portal u l-kanali tal-midja soċjali tagħha u riżorsi oħra żdiedu minn 9% għal 21% bejn Marzu 2020 u l-2021 u li i l-paġna ta’ Facebook ta’ ĠEMMA għanda kwazi 17k like.

Intant, Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers, saħaq dwar l-importanza ta’ din l-isħubija strateġika fejn b’dan il-Ftehim jidher biċ-ċar ir-rieda li l-Union tkun fuq ta’ quddiem fl-edukazzjoni tal-ħaddiem fejn jidħol it-tagħrif finanzjarju u l-pensjonijiet. Dan ikompli jsaħħaħ il-politika tal-Union dwar l-introduzzjoni tal-pensjoni taż-żgħażagħ fejn l-għarfien finanzjarju huwa ferm importanti sabiex tkompli tiġi introdotta din il-pensjoni flimkien ma’ dik statutorja u l-pensjoni tat-tielet pilastru. ĠEMMA żgur li tista’ tassisti lill-ħaddiema sabiex jagħrfu dan, temm jgħid il-Kap Eżekuttiv.

Is-Sur Mark Musù, is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru, u li hu responsabbli għat-tmexxija ta’ ĠEMMA, enfasizza wkoll li l-ħidma biex ninfilsaw u niżguraw il-kapaċità finanzjarja f’Malta hu għan soċjali – wieħed li fih il-Gvern għandu jkollu rwol ewlieni, iżda għan li l-Gvern waħdu ma jistax jilħaq. Is-Sur Musù esprima s-sodisfazzjon tiegħu li s-sħubija ma’ msieħba strateġiċi, bħall-iffirmar tal-lum mal-UĦM Voice of the Workers mal-Ministeru tiegħu u ĠEMMA, turi b’mod inekwivoku li hemm fehim qawwi mill-atturi tas-soċjetà, inkluż is-settur privat, dwar l-importanza ta’ approċċ daqshekk magħqud lejn it-tnissil ta’ kultura ta’ kapaċità finanzjarja f’Malta.

Il-pjattaforma tal-kapaċità finanzjarja ta’ ĠEMMA tista’ taraha fuq: www.gemma.gov.mt.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment