fbpx

Ejja nassiguraw li l-Budget ikun imfassal fuq l-kuxjenza

Il-UĦM Voice of the Workers illum nedhiet il-proposti tagħha għall-Budget 2021, f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Kap Eżekuttiv Josef Vella stqarr li din il-Union ippreżentat lill-MCESD 89 proposta fil-ġimgħat li għaddew u li dawn huma mqassma fuq 21 tema.

Is-Sur Vella qal li l-ekonomija hija pilastru ewlieni tal-pajjiż u għalhekk f’dawn il-proposti l-gvern qed ikun imħeġġeġ sabiex jagħmel analiżi, settur b’settur, ħalli jiddetermina liema miżuri straordinarji jeħtieġu jsiru biex l-ekonomija ta’ Malta tiġi ristrutturata u rkuprata fid-dawl tal-Covid19. Fost dawn il-proposti hemm li l-Gvern jibda jaħseb fuq proġetti li jistgħu jiġu finanzjati mill-fondi tal-UE. Permezz ta’ hekk il-Gvern jibgħat sinjal ċar li se jkun qed ipoġġi s-sostenibbiltà soċjali u ekonomika fuq quddiem nett tal-aġenda tiegħu.

Josef Vella stqarr li l-UĦM Voice of the Workers għadha temmen bis-sħiħ li kull impjieg għandu jsir permezz ta’ kuntratt tax-xogħol bil-miktub li jkun aċċessibbli mill-portal tal-Jobs+ u b’hekk jiġi evitat l-abbuż. Proposta oħra hi biex il-ħaddiema li jaħdmu mal-kuntrattur, li jkunu subcontracted mill-Gvern għandhom jingħataw kemm l-istess ħlas kif ukoll ikunu intitolati għal żidiet, progressions, automatic promotions u allowances. Għalhekk is-Sur Vella appella lill-gvern li la darba huwa l-akbar employer jagħti eżempju lill-employers l-oħra billi jittratta lill-ħaddiema ta’ Steward daqs ħaddiema oħra fis-settur tas-saħħa li qed jagħmlu l-istess xogħol spalla ma’ spalla imma b’kundizzjonijiet u pagi inferjuri.

Il-UĦM Voice of the Workers qed tisħaq li wasal iż-żmien biex il-Wage Regulations Orders jiġu riveduti minħabba li hemm diskrepenza bejn il-ħaddiema u ma jirriflettux iż-żminijiet tal-lum. Fil-qasam tal-kostruzzjoni għandhom jiddaħħlu Skills cards biex impjegati tajbin fis-snajja’ jkollhom iċ-ċans javvanzaw.

Is-Sur Vella tenna l-bżonn li l-ġenituri jkunu jistgħu jingħataw sick leave meta tfal ikunu morda, waqt li d-direttiva li ħarġet mill-Unjoni Ewropea fuq il-carers leave, parental leave u maternity leave tiġi estiża wkoll għal Malta. Barra minn hekk il-UĦM talbet ukoll biex il-leave ta’ emerġenza jiżdied minn 16-il siegħa għal 32 siegħa. Il-UĦM Voice of the Workers issuġerit li jkun hemm estenzjoni tal-injury leave minn sena għal sentejn u biex il-ħaddiema jingħataw l-allowances b’mod sħiħ meta jkunu bl-injury leave u hekk ma jkunx hemm telf finanzjarju.

Fil-proposti tagħha l-UĦM  saħqet bis-sħiħ li għandu jerġa’ jingħata t-telework jew remote work fuq bażi permanenti. Fix-xhur li għaddew meta l-ħaddiema kienu qed jaħdmu permezz ta’ remote working inħoloq bilanċ bejn ix-xogħol filwaqt li tnaqqas it-tniġġis fl-arja kkawżat permezz tat-traffiku.

L-ambjent huwa fattur importanti ħafna u l-Gvern għandu jagħtih l-importanza li dan is-settur jistħoqqlu. Fost il-proposti li l-UĦM qed tipproponi għal dan is-settur hija li jkun hemm Bring-in-sites żgħar f’ kull belt jew raħal  fejn wieħed jista’ jarmi ż-żibel skont kif jinġabar permezz ta’ ibin. B’hekk il-ġbir tal-iskart ikun aktar disponibbli għall-familji. 

F’dawn l-proposti l-UĦM qed tissuġerxxi ukoll biex it-taxxa tal-part timers u dawk li jagħmlu sahra titnaqqas b’10 fil-mija. Permezz ta’ din il-miżura l-familji jkollhom aktar flus fil-bidu li jistgħu jintużaw b’mod differenti. Huwa importanti li jkun hemm tax credits għall-kumpaniji li jinvestu fit-teknoloġija, sabiex il-ħaddiema jkunu jistgħu jaħdmu mid-dar skont ftehim ma’ min iħaddem waqt li tingħata għajnuna permezz ta’ vouchers biex jinxtraw laptops għat-tfal.

Josef Vella aċċena li l-edukazzjoni hija l-pedament tas-soċjetà ta’ għada. Minħabba f’hekk kull familja bid-dħul baxx għandu jkollha aċċess għall-edukazzjoni uqari online b’xejn. Għalhekk il-Gvern għandu jagħmel ftehim mal-Internet Service Providers sabiex tiġi msaħħa l-infrastruttura tal-broadband mhux biss minħabba ċ-ċirkustanzi li qegħdin fihom imma wkoll biex iservi għat-tħejjija għall-futur tad-dinja tax-xogħol.

L-inċidenti fuq il-postijiet tax-xogħol kulma jmur dejjem qed jiżdiedu, għalhekk għandu jsir aktar tisħiħ fl-Awtorità dwar is-Saħħa u s-Sigurtà. L-ewwel pass għandu jkun billi jsir infurzar tar-regolamenti diġà eżistenti. Vella qal li qed ikun hawn ħafna inċidenti tant  li f’ġimgħa waħda rajna tliet imwiet marbutin ma’ postijiet tax-xogħol. Vella saħaq li huwa tajjeb li jiddispjaċina għall-familji li jgħaddu minn din l-esperjenza qarsa imma għandna r-responsabiltà ilkoll bħala pajjiż li naraw kif nevitaw dawn l-imwiet. Is-saħħa u s-sigurtà m’għandux ikollha wiċċ u m’għandhiex tagħmel distinzjoni bejn razza u reliġjon, bejn pajjiż u ieħor għax huwa dritt ta’ kull ħaddiem.

Josef Vella saħaq li l-iżviluppaturi għandhom jingħataw permess qabel jibdew xogħol ta’ skavar u kostruzzjoni. ll-UĦM qed tħeġġeġ li l-multi li jingħataw lil min imur kontra r-regolamenti tal-kostruzzjoni għandhom imorru f’fond sabiex ikunu kumpensati l-vittmi ta’ min ikun ġarrab ħsarat jew twaqqigħ fil-propjetà tiegħu kawża ta’ negliġenza minn min kien responsabbli mill-iżvilupp. Il-familja mġarrba m’għandhomx għalfejn jistennew snin il-qorti biex jieħdu kumpens.

Josef Vella qal li l-Gvern għandu jagħti vouchers bħala rifużjoni fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma, dan għaliex minħabba l-Covid 19 kienu qed jgħaddu ħafna iktar ħin id-dar u għalhekk kien hemm konsum akbar ta’ dawl u ilma.

Il-UĦM bħal snin oħra qed terġa’ tagħmel enfasi fuq il-pensjoni tat-Tieni Pilastru. Din it-tip ta’ pensjoni għandha tiddaħħal b’mod volontarju u l-aktar fejn jeżisti ftehim kollettiv.  Josef Vella, qal li l-UĦM ma nsietx lill-anzjani u pproponiet li l- bonus għall-anzjani jibda jingħata minn 70 sena ’l fuq filwaqt li jiżdied l-bonus għal dawk li għandhom aktar minn 75 sena.

Is-Sur Vella, irrimarka li l-frontliners fil-qasam tas-saħħa għandhom jingħataw ġieħ tax-xogħol li għamlu u li għadhom qed jagħmlu fiċ-ċirkostanza ta’ bħalissa. Għalhekk qed tissuġġerixxi li l-Gvern jagħti bonus ta’ darba lill-ħaddiema fis-settur tas-Saħħa li kienu strumentali fil-kura kontra l-COVID-19.

Josef Vella, saħaq li dawn il-proposti huma mfassla biex ikun hemm bilanċ bejn il-ħaddiema, min iħaddem u l-ekonomija.  Imma biex l-ekonomija tirrendi hemm bżonn poplu li huwa b’saħħtu, ambjent aħjar, bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol u edukazzjoni għal kulħadd fl-isfond tal-avvanzi fit-teknoloġija.  Huwa tenna li l-pensjonati li fuqhom hija mibnija soċjetà għandna nagħtuhom kull għajnuna u rikonoxximent. Il-UHM Voice of the Workers fasslet dawn il-proposti b’attenzjoni partikulari wkoll fuq l-imxija tal-COVID 19 biex il-poplu kollu jibqa’ tassew fiċ-ċentru ta’ dan il-Budget.

Josef Vella spiċċa diskors tiegħu billi tenna ‘Kull ħajja hija prezzjuża għal din l-Union  kif qal ukoll is-segretarju ġenerali ta’ WHO “If anything is going to hurt the world, it is moral decay. And not taking the death of the elderly or the senior citizens as a serious issue is moral decay. Any individual, whatever age, any human being matters.  Ejja tabilħaqq nassiguraw li dan ikun Budget imfassal ukoll fuq l-kuxjenza.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment