fbpx

Ftehim kollettiv li jagħti bixra umana

Il-ħaddiema fl-amministrazzjoni, tekniċi u industrijali tal-Universita’ ta’ Malta se jkomplu  jgawdu minn kundizzjonijiet aħjar ta’ xogħol, żieda fis-salarji u titjib fl-istrutturi tal-gradi.

Dan wara li kien iffirmat ftehim kollettiv bejn il-UĦM Voice of the Workers u l-Universita’ ta’ Malta, it-Tlieta 20 ta’ Marzu 2018.

Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers, stqarr li l-ftehim jidħol f’ħafna aspetti differenti tal-ħajja tax-xogħol tal-ħaddiema. Hu rringrazzja lil Jesmond Bonello u lil Isabelle Farrugia, id-Direttur u Employment Relations Manager rispettivament kif ukoll lill-kumitat tal-ħaddiema, tax-xogħol li wettaq b’mod volontarju.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers kellu kliem ta’ tifħir għall-kumitat li ta sehemu biex jirrifletti l-bżonnijiet u s-sitwazzjonijiet tal-ħaddiema kollegi tagħhom. Hu rringrazzjah għall-kapaċita’ tiegħu sabiex iwieżen u jifhem x’qed jgħid il-management f’isem l-Universita’ bl-iskop li jintlaħaq il-kompromess finali.

Josef Vella fisser li l-ftehim kollettiv jibbaża ruħu mhux biss fuq it-titjib finanzjarju imma wkoll fuq titjib bħal family-friendly measures u għajnuniet simili. Din il-union tosserva li aktar koppji qed jidħlu fid-dinja tax-xogħol u aktar ma tiżdied il-parteċipazzjoni, aktar ikun hemm ħaddiema li qed ifittxu flessibbilta’ u bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol.

“Hu importanti li nagħtu attenzjoni lil dan il-bilanċ għaliex tajjeb li kulħadd jaħdem u jipparteċipa fil-ġid ekonomiku imma fl-aħħar mill-aħħar xi ħadd irid jieħu ħsieb l-ulied”, sostna l-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers, filwaqt li żied li “hu tajjeb li jkollna ftehim kollettivi li jagħtu bixra umana u awgura li din l-attitudni fl-Universita’ tkompli tissaħħaħ”.

Alfred J. Vella, ir-Rettur ta’ l-Universita’ ta’ Malta, qal li l-ftehim jagħmel ġieħ lill-impjegati li se jkunu qed jibbenefikaw minnu. Hu stqarr li l-istima hi importanti meta jingħata rikonoxximent lejn il-mod kif il-ħaddiema jitkellmu u jaġixxu ma’ xulxin. Fl-aħħar mill-aħħar, din l-istima tissarraf fil-ftehim kollettiv li minnu se jgawdu mhux biss il-ħaddiema imma l-familji tagħhom.

Ir-Rettur ta’ l-Universita’ irringrazzja lil kull min ħa sehem fin-negozjati, partikularment lill-Kunsill ta’ l-Universita’ li kien raġonevoli meta kien ippreżentat bil-ftehim preliminari sakemm dan ġie aċċettat.

Intant permezz ta’ dan il-ftehim, se jkun hemm titjib sostanzjali fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema, fosthom, titjib fl-arranġamenti ta’ xogħol flessibbli; titjib fis-sistema ġdida ta’ teleworking; u l-fondi allokati għar-riżorsi tax-xogħol tal-ħaddiema se jkomplu jiżdiedu minn €185,000 għal €240,000 sal-2021.

Il-ħaddiema kollha se jieħdu żieda fis-salarju kull sena  bejn l-2017 u l-2021. Iż-żieda medja se tkun ta’ tnejn fil-mija fis-sena u sal-2021 is-salarji jkunu żdiedu b’total ta’ 13.1 fil-mija; u reviżjoni fl-allowances skont il-kwalifiki tal-impjegati.

Il-ftehim ikopri l-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2017 sal-aħħar ta’ Diċembru 2021.

Preżenti għall-okkażjoni kien  hemm, fost oħrajn, Frank Fabri, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol.

 

 

 

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment