fbpx

Il-COLA u l-Bolla m’għandhomx ikunu intaxxati

Iż-żieda għall-għoli tal-ħajja għandha tingħata kollha u m’għandiex tibqa’ tiġi intaxxata għax fil-preżent parti minn dan il-kumpens qed jerġa’ jmur fil-but tal-Gvern. Bl-istess mod il-ħlas li jmur għall-kontribuzzjoni soċjali, jiġifieri l-bolla, m’għandux ikun intaxxat.

Il-UHM Voice of the Workers għamlet dan l-appell waqt konferenza fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħaddiem li matulha kienu diskussi temi attwali fosthom l-għoli tal-ħajja, il-problema tat-traffiku u l-isfidi fid-dinja tax-xogħol.

Minn stħarriġ li għamlet il-UHM jirriżulta li minn Jannar tas-sena li għaddiet xirja tipika minn supermarket għal ta’ familja ta’ erba’ persuni għoliet b’medja ta’ 12% jiġifieri madwar €16. Dan ifisser ukoll li kemm is-sena li għaddiet meta l-COLA kienet ta’ €1.75, kif ukoll din is-sena meta dan il-kumpens tela’ għal €9.90 fil-gimgħa, dan xorta ma kienx biżżejjed biex jagħmel tajjeb għaż-żieda fil-prezz tal-prodotti essenzjali minn supermarkets. Is-sitwazzjoni hi iktar allarmanti, jekk ikun kunsidrat il-fatt li il-maġġoranza tal-ħaddiema ma jieħdux il-COLA kollha imma parti minnha minħabba li parti minnha tmur fi ħlas ta’ taxxa. Għalhekk, il-UHM qed tappella biex din l-anomalija tal-COLA u anki tal-ħlas tal-bolla tibda tiġi indirizzata, għax dan ikun mezz kif il-ħaddiema jkollhom iktar flus fil-but mingħajr ma jiżdiedu l-pagi.

Matul il-konferenza, il-Kap Eżekuttiv tal-UHM Josef Vella esprima t-tħassib dwar il-mod kif qed jitħaddmu ċertu prattiċi tax-xogħol fosthom l-outsourcing u subcontracting fil-core operations.  Dan qed iwassal biex il-prinċipju ta’ equal pay for job of equal value fl-istess post tax-xogħol ma jiġix osservat. Il-Kap Eżekuttiv tal-UHM esprima t-tama li diskussjonijiet li għaddejjin bħalissa fil-Bord tar-Relazzjonijiet Industrijali u l-Impjiegi, dwar tibdil fil-liġi, iwasslu biex dawn l-abbużi jinqatgħu u mhux bil-kontra.   

Tkellem ukoll kif ħaddiema barranin minn ċertu pajjiżi qed ikunu sfruttati billi jingħataw kundizzjonijiet ferm inferjuri b’detriment mhux biss għalihom iżda wkoll għall-ħaddiema Maltin li jagħmlu l-istess xogħol.  Dan qed iwassal ukoll biex is-saħħa tal-ħaddiema Maltin li jinnegozjaw kundizzjonijiet aħjar qed tkun mittiekla.

Il-Kap Eżekuttiv tal-UHM tkellem ukoll dwar l-importanza tas-solidarjetà bejn il-ħaddiema u wissa li jekk se tiżdied il-kultura li kulħadd jaħseb għal rasu biss u jara sal-ponta ta’ mnieħru, fl-aħħar mill-aħħar se jbati kulħadd.   

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment