fbpx

Jew flusek jew ħajtek

Id-deċiżjoni li ħa l-Gvern nhar it-Tnejn qed tpoġġi lil persuni vulnerabbli f’sitwazzjoni assurda għax se jkollhom jagħżlu jekk jiħdux ħsieb saħħithom u ħajjithom, jew inkella jekk iridux jaqilgħu l-ħobża ta’ kuljum.

Dan jikkuntrasta ferm mal-Linji Gwida għal persuni vulnerabbli ippublikati nhar it-Tlieta fl-4 p.m. mill-Uffiċċju tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika. Il-Linji Gwida, li ħareġ dan l-uffiċċju l-bieraħ, għamluha ċara li l-COVID-19 la hu ħaġa tal-passat u wisq inqas xi marda li tista’ tiċċajta magħha. Barra minn hekk, il-Prof. Gauci, f’kummenti li tat ilbieraħ, qalet li l-imwiet li ġraw sal-lum minħabba l-COVID-19 dejjem kienu ġejjin minn dan is-settur ta’ nies.

Għalkemm l-liġi tal-vulnerabbli ġiet irtirata lbieraħ, il-Linji Gwida jagħmluha ċara wkoll li min hu obbligat jaħdem qed jingħata parir sabiex jagħmel dan biss bit-teleworking.

Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet li saret ilbieraħ, il-Professur Gauci ukoll semmiet li dan għadu mhux iż-żmien ideali li l-contact sport jibda jiġi prattikat. Dan ukoll huwa prova ċara ta’ kemm għad hemm riskju ta’ tixrid ta’ dan il-virus qerriedi.

Jidher iżda biċ-ċar, li minn għada l-ġimgħa, il-ħaddiema l-aktar vulnerabbli u f’riskju ta’ mewt jekk jaqbadhom dan il-virus, se jintalbu jidħlu lura għax-xogħol. Din it-talba qed issir irrelevanti jekk persuna taħdimx f’uffiċċju waħidha, taħdimx man-nies, tiffaċċjax l-pubbliku jew saħansitra ikollhiex kuntatt dirett mal-pazjenti fl-isptarijiet tagħna. Filwaqt li għadu riskjuż li plejers f’saħħithom imissu ma xulxin waqt xi logħba futboll, ir-riskju, skont l-istess Gvern, ma jeżistix bejn professjonist li jista’ jkun vulnerabbli, u pazjent.

Din is-sitwazzjoni assurda qed twassal sabiex dawn in-nies qed jikkunsidraw li jkollhom, jew jirriżenjaw jew inkella jitolbu leave mhux imħallas sabiex jibqgħu jieħdu ħsieb tagħhom infushom.

Din il-Union innutat li ġara wkoll kif ġej: nhar it-Tnejn il-Prim Ministru tenna li jistenna li dawn il-ħaddiema jirritornaw lura għax-xogħol minn għada l-Ġimgħa, it-Tlieta inħarġu Linji Gwida li jgħidu l-maqlub, it-Tlieta bil-lejl il-linji gwida ġew irtirati bl-iskuża li dawn kienu antiki, iżda fil-verità ġew ikkreati t-Tlieta stess, l-Erbgħa’ jerġgħu jinħarġu l-istess linji gwida, skont il-Website tad-DOI. Fl-istess ġurnata, aktar tard, il-Prof. Charmaine Gauci qalet li l-avviż legali tal-vulnerabbli se jiġi rtirat u tali liġi ġiet irtirata tard filgħaxija. Dawn il-messaġġi żgur li ma għenux f’nofs il-konfużjoni ta’ bħalissa. Ħolqu biss konfużjoni li tfisser li nies vulnerabbli qed jiġu ssuġġeriti sabiex ma jaħdmux mill-post tax-xogħol mingħajr il-protezzjoni fil-liġi.

F’dan l-isfond il-UĦM Voice of the Workers bagħtet ittra u rreġistrat tilwima lis- Segretarju Permanent Ewlieni Mario Cutajar, u għamlitha ċara li dan mhux aċċettabbli. Infurmatu wkoll li, sakemm ikun hawn is-serħan tal-moħħ li dawn il-ħaddiema mhux ser jiġu esposti għal dan il-virus, dawn il-ħaddiema se jkunu ordnati sabiex jibqgħu d-dar. Għaldaqstant il-ħaddiema vulnerabbli, hekk kif imniżżla fil-linji gwida, qed jingħataw direttiva sabiex jibqgħu kif kienu sal-lum.

Like this article?

Share on Facebook
Share on Twitter
Share on Linkdin
Share on Pinterest

Leave a comment